Ekonomija Lokali Parlament

Ftit għalik, ħafna għalihom – Simon Busuttil

Wara li ftit ilu tħabbar il-baġit għas-sena 2016, in-nies qed jistaqsu x’differenza se jagħmel il-baġit fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum fosthom fil-kwistjoni tat-traffiku. L-Oppożizzjoni kienet qed tistenna aħjar mill-Baġit 2016 speċjalment minħabba l-fatt li fl-Ewropa m’hawnx kriżi ekonomika u dawk ta’ madwar il-Prim Ministru Joseph Muscat bħalissa qegħdin jiffangaw. Għalhekk dan il-baġit fih ftit għalik u ħafna għalihom.

Simon Busuttil, qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Parlament li matulha ta l-ewwel reazzjoni tal-Oppożizzjoni għall-Baġit 2016 li kien ippreżentat ftit qabel fil-Parlament mill-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna. Għall-konferenza tal-aħbarijiet kien preżenti l-grupp Parlamentari Nazzjonalista.

Hu qal li wieħed kien jistenna li l-Gvern joħroġ b’soluzzjonijiet dwar it-traffiku imma l-Gvern qal li se jibda biss proċess ta’ konsultazzjoni. Il-Gvern lanqas kellu l-umiltà li jaċċetta proposta konkreta li l-istess Simon Busuttil għamel sena ilu biex jipprovdi trasport bla ħlas lit-tfal li jmorru fl-iskejjel tal-Knisja u privati bħalma qed isir għat-tfal fl-iskejjel tal-Gvern – proposta li tolqot aktar minn 25,000 student.

Simon Busuttil qal li l-problema tat-traffiku hi problema wkoll ekonomika minħabba li qed jintilef ħafna ħin. Wara li l-prezz internazzjonali taż-żejt ilu sena f’livelli baxxi ħafna u wara li l-Oppożizzjoni ilha sena tappella lill-Gvern biex inaqqas il-prezz tal-fuels, il-Gvern se jraħħas il-petrol bi 3 ċenteżmi u d-diesel b’4 ċenteżmi minn Jannar u mhux min issa.

Simon Busuttil qal li l-petrol jista’ jkun 35 ċenteżmu inqas u d-diesel 28 ċenteżmu inqas kull litru meta wieħed jikkunsidra l-prezz internazzjonali taż-żejt, għalhekk il-Gvern għandu ftit għalik u ħafna għalihom.

Il-Gvern injora wkoll is-sejħa tal-korpi kostitwiti biex il-prezz tad-dawl jorħos bi 30% u dan minħabba l-investiment li sar mill-gvern preċedenti fl-interconnector u fil-power station tal-BWSC.

Dwar il-pagi huwa qal li taħt Gvern preċedenti l-paga medja kienet tiżdied b’rata ta’ €500 fis-sena imma taħt dan il-Gvern qed tiżdied biss b’€200 fis-sena.

Simon Busuttil qal li t-tnaqqis fl-income tax li ħabbar il-Gvern hu redikolu għax wieħed se jiffranka biss bejn €2 u €4 fil-ġimgħa. “Huma qed jieħdu ħafna u lilek jagħtuk ftit” sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni. Il-familji bil-paga minima se jiżdiedu biss €3fil-ġimgħa. “Iż-żieda ta’ €1.75 fil-paga fil-ġimgħa għall-għoli tal-ħajja lanqas isservi għal vjaġġ wieħed fuq tal-linja” sostna Simon Busuttil.
Hu qal li l-pensjonati ma żdidux b’mod li jnaqqsu t-tbatija tagħhom. Issa biex ħaddiem jieħu l-pensjoni jrid jaħdem mhux 40 sena bħalma kien s’issa, imma jrid jaħdem 41 sena u għalhekk irid iħallas aktar bolli u aktar taxxa.

Dwar iż-żieda fil-pensjoni minima nazzjonali qal li din kienet ta’ bejn €4 u €9 fil-ġimgħa u din mhix se tagħmel differenza kbira lil min se jirċievi din il-pensjoni.

Dwar il-finanzi tal-Gvern, Simon Busuttil qal li n-nefqa rikorrenti żdiedet u n-nefqa kapitali minflok żdiedet naqset b’€150 miljun u dan biex fost l-oħrajn isiru toroq. Id-dejn zdied b’€600 miljun taħt dan il-Gvern. “Għalihom għandhom ħafna imma għalik għandhom ftit” irrepeta l-Kap tal-Oppożizzjoni, waqt li fakkar kif Toni Abela, id-Deputat Mexxej Laburista qed idaħħal eluf kbar ta’ ewro bħala konsulent tal-Gvern dwar it-tifitx taż-żejt, konsulent dwar it-traffiku u anke konsulent dwar il-faqar.

Simon Busuttil qal li l-Gvern ħabbar li l-proposta li ssir mina bejn Malta u Għawdex se tkun studjata u fakkar li din hi proposta li kien għamel il-Gvern Nazzjonalista u issa l-Gvern preżenti se jmur lura għall-istudji li kien għamel il-Gvern preċedenti. Jidher ukoll li l-Gvern warrab il-proposta li kien ressaq hu stess li jinbena pont bejn Malta u Għawdex. Għalhekk il-Gvern ħela tliet snin u l-mina setgħet kienet lesta fi tliet snin.

Simon Busuttil qal li ma ssemma l-ebda settur ġdid ta’ investiment u l-baġit ma fih xejn dwar in-negozji bħall-ħwienet.

Fakkar li l-Gvern issa se jintaxxa kull turist li jiġi Malta u din it-taxxa tista’ tapplika wkoll għal Maltin li jmorru f’lukanda f’Malta u f’Għawdex, waqt li staqsa jekk meta t-turiżmu sejjer tajjeb u hu pilastru ewlieni tal-ekonomija, għaliex il-Gvern għażel li jintaxxa dan is-settur u jipperikola din l-industrija.

Hu qal li l-Oppożizzjoni kienet tistenna baġit aħjar meta wieħed iqis li bħalissa m’hawnx maltemp ekonomiku. Il-baġit mhux jagħmel dak li talbet l-Oppożizzjoni fid-Dokument ta’ Qabel il-Baġit u lanqas dak li talbu ħafna mill-imsieħba soċjali.

“Wara sentejn u nofs qed naraw li l-andament ekonomiku għadu jistrieħ fuq is-setturi ekonomiċi li ħoloq il-Gvern Nazzjonalista. L-uniku settur ġdid hu l-bejgħ taċ-ċittadinanza li minnu l-Gvern Laburista kkonferma li daħħal biss €75 miljun u mhux biljun ewro bħalma wiegħed” temm jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni.