Lokali

Funeral bla tebut: Għotja ta’ tama

Din il-gimgha miet Dun Manwel Camilleri, saċerdot, iben il-parroċċa ta’ Ta’ Sannat.

Fil-funeral ta’ dan il-qassis ma kienx hemm tebut, iżda biss ritratt bhala memorja ta’ dan il-qasis qalbieni għax għażel li wara mewtu jħalli ġismu lill-Università ta’ Malta biex ix-xjenza medika tkun tista’ tkompli tagħmel l-investigazzjoni tagħha biex tkompli ssalva l-ħajjiet ta’ ħafna bnedmin, ġest ta’ ġenerożità fejn ta’ l-organi ta’ ġismu għas-servizz tal-oħrajn.

Fil-messaġġ tiegħu l-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li f’soċjetà bħal tagħna ħafna drabi mdakkra mill-egoiżmu u l-individwaliżmu, meta persuna tiddeċiedi li tagħti l-ġisem tagħha għall-ġid tal-komunità hija tkun qed tibgħat messaġġ qawwi ħafna. Messaġġ t’altruwiżmu u ġenerożità.

Huwa qal li hemm diversi modi kif is-saċerdot joffri l-ħajja tiegħu lill-oħrajn – L-isqof t’Gahwdex qal li f’isem il-poplu ta’ Alla jrodd ħajr lis-saċerdoti li minkejja l-limitazzjonijiet umani, jagħmlu ħilithom biex jingħataw kollhom kemm huma lill-oħrajn; imma l-għoti tal-organi biex tiġi salvata l-ħajja ta’ xi ħadd marid, jew li wieħed iħalli ġismu biex jintuża għar-riċerka u hekk jitjieb is-servizz mediku, huma forom speċjali ta’ donazzjoni. Il-valur ta’ dawn l-għotjiet jikber meta wieħed iqis li dawk li jistgħu jgawdu minn din il-ġenerożità huma anonimi.

L-Isqof Grech qal li f’ħajjitna hemm bżonn li nimmitaw aktar azzjonijiet nobbli bħal ta’ Dun Manwel Camilleri.

3e1fcf01-65fe-4e84-9127-75c0e17e33a1