Sport Sport Ieħor

Futsal: Ħamrun u Valletta preparati għat-tieni konfront

Tkompli l-preparazzjoni taż-żewġ timijiet għat-tieni konfront fil-finali biex jiġi deċiż ir-rebbieħ tal-Elite Round. Il-President tal-Futsal Malta Association Mark Borg qal li l-assoċjazzjoni dan l-istaġun ħadmet b’komunikazzjoni diretta mal-klabbs b’numru ta’ logħbiet eċċitanti tul l-istaġun bil-kampjonat jispiċċa b’mod tradizzjonali, bil-play-offs u l-finali fuq l-aqwa minn tlieta.

Għall-ewwel play-off li rebħu Ħamrun wara l-għoti tal-penalties, kien hemm rekord ta’ spettaturi fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin u dan jawgura tajjeb għal partita li ġejja.

Borg qal li dan l-istaġun il-livell kien għoli u qal li d-deċiżjoni li l-FMA ħadet biex tnaqqas in-numru ta’ barranin, fejn it-talent lokali tgħallem mal-barranin li huma ta’ livell internazzjonali.

Il-President tal-FMA qal li bi pjaċir, din is-sena l-Futsal ġie nkluż fl-MFPA Awards li nrebaħ minn Raphinha filwaqt li għall-ewwel darba se jkun inkluż l-Plejer tas-Sena tal-Futsal.

Makr Borg sostna li din is-sena ma kinitx faċli għall-Assoċjazzjoni għaliex l-attenzjoni tagħhom kien fuq il-post li se jilagħbu s-sena d-dieħla wara li mgħarraf lilhom li l-kuntratt fil-Padiljun ta’ Kordin kien se jispiċċa u mhux imġedded fi tmiem l-istaġun.

Il-kwistjoni ġiet solvuta fejn se jkollhom post ġdid fejn jilagħbu filwaqt li għandhom ftehim mal-Gvern li jkollhom faċilità fejn hemm l-iskola ta’ Umberto Calosso  fejn hu maħsub li fil-pjanijiet fit-tul, ikollhom post hemm fejn anki jkunu jistgħu jagħmlu affarijiet li ma setgħux jagħmlu qabel inklużi kollaborazzjoni mal-YFA.

Is-Segretarju tal-FMA Kenneth Cefai qal li bdew id-diskussjonijiet mal-MFA biex it-tim Nazzjonali jgħaddi fir-responsabbiltà tal-FMA.

Il-kaptin ta’ Ħamrun Michael Spiteri qal li t-tim issaħħaħ b’akkwisti f’Jannar fosthom ta’ Peter Pullicino u jinsabu viċin fejn jittama li jirbħu l-logħba li ġejja u jirbħu l-kampjonat.

Spiteri qal li batew fl-ewwel seba’ minuti u ma kienx qed jemmen li Valletta setgħu jirkupraw. Minn naħa l-oħra, il-kaptin ta’ Valletta Melvin Borg qal li fil-logħba bdew tajjeb u jemmen li Ħamrun kienu aħjar tul il-partita u se jinżlu preparati biex jirbħu l-logħba.

Il-President ta’ Ħamrun Futsal Edward Psaila rringrazzja lill-assoċjazzjoni u l-pulizija. Dwar il-logħba, Psaila qal li l-logħba setgħet tmur kull naħa, bil-livell taż-żewġ timijiet. Il-President ta’ Valletta Futsal Dassier Borg appella lill-partitarji Beltin biex jattendu għal din il-logħba. Borg jinsab kunfidenti għaliex minkejja li t-tim ma lagħbx tajjeb fl-ewwel logħba tilef biss bil-penalties, għalhekk jemmen li jekk it-tim jilgħab aħjar, jinsab fiduċjuż li jirbħu l-logħba u jisfurzaw it-tielet logħba li tkun ukoll l-ewwel darba fl-istorja tal-play-offs tal-futsal.

Min jirbaħ il-kampjonat, jipparteċipa fil-UEFA Futsal Cup fejn hemm ċans li t-tim rebbieħ ikun f’polza aħjar wara r-riżultati pożittivi li ġabu t-timijiet Malti b’medja ta’ 4 punti f’grupp ta’ erba’ timijiet.

It-tieni finali se tintlagħab fit-13 ta’ Mejju u jekk ikun hemm bżonn it-tielet finali ssir il-Ħamis 19 ta’ Mejju.