Lokali

Ġebla kbira taqa’ minn faċċata storika f’Santa Venera – post li jintuża minn persuni b’diżabbilita’

Ġebel kbir jaqa’ mill-faċċata tal-Istitut Vincenzo Bugeja f’Santa Venera – li llum din il-binja storika sservi bħala l-kwartieri tal-Kummisjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbilita’ (KNPD).

Fir-ritratti li ntbagħtu lil netnews.com.mt, jidher ċar li dan il-ġebel waqa’ b’kawża ta’ nuqqas ta’ manutenzjoni fil-faċċata ta’ din il-bini antik. Dan minkejja l-fatt li dan hu post li fih regolarment imorru persuni b’diżabilita’.

F’dan l-istess bini li fih ċediet parti mill-faċċata, hemm ukoll dipartimenti tal-Gvern li jagħmlu użu miċ-Ċentru Ħidma Soċjali.

Vincenzo Bugeja 6

Skont l-informazzjoni li kiseb dan is-sit, hekk kif persuna b’diżabbilita’ marret tipparkja l-karozza f’parkeġġ quddiem biswit l-entratura tal-binja, xi ħadd ġibed l-attenzjoni lis-sewwieq biex ma jħallix l-karozza hemm minħabba li kienet għadha kif waqgħet din il-ġebla quddiem numru ta’ karozzi oħra.

Vincenzo Bugeja 4

Jidher li dan m’huwiex l-ewwel każ fejn kien hemm ġebla li waqgħet minn din il-faċċata tal-Istitut Vincenzo Bugeja – hekk kif ftit passi l’bogħod minn fejn waqgħet l-aħħar ġebla – kien hemm injam imdaħħal fl-art li jipprevjeni milli xi ħadd jersaq fiż-żona ta’ fejn waqa’ l-ġebel.

Vincenzo Bugeja 1

Din il-binja antika f’Santa Venera li llum tintuża għas-servizz ta’ persuni b’diżabbilita’ hi ta’ importanza storika, hekk kif fl-istess binja fi Triq Braille f’Santa Venera kien hemm l-ewwel skola f’Malta fejn persuni nieqsin mid-dawl kienu jitgħallmu jaqraw il-braille – kif jixhed isem it-triq stess.

 

Vincenzo Bugeja 3