Ekonomija Lokali

Għall-Baġit 2017, l-MDA tipproponi skema għas-‘second time buyer’

Bħala parti mill-proposti tagħha lill-Gvern għall-Baġit li jmiss, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) qed tipproponi skema għas-‘second time buyer’, jiġifieri dak li jkun se jixtri t-tieni propjetà tiegħu. Madankollu, ma ngħatawx dettalji dwar kif din l-iskema tista taħdem.

Dan ħareġ waqt laqgħa li l-MDA kellha mal-Prim Ministru Joseph Muscat f’Kastilja. Il-President tal-MDA Sandro Chetcuti qal li bħala Assoċjazzjoni, huma dejjem ħadmu fl-interess nazzjonali. Kompla li l-Assoċjazzjoni tħoss li x-xogħol kompla jiżdied u li fl-aħħar snin, l-MDA irnexxielha tikseb rispett u kredibbiltà.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru qal li l-Baġit għas-sena d-dieħla żgur li mhux se jkollu sorpriżi, iżda kontinwità biex ikompli jinċentiva lill-persuni u lil entitajiet bħall-MDA. Sostna li l-Gvern qed jaħdem fuq ‘master plan’ għaż-żona ta’ Paceville, li mistenni jgħin lill-iżviluppaturi u lill-investituri jkunu jafu fejn qegħdin mal-Gvern preżenti.