Lokali

Għall-korruzzjoni tal-Gvern, qed iħallsu l-familji Maltin u Għawdxin

Għall-korruzzjoni tal-Gvern Laburista, qed iħallsu l-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin. Dan qed isir b’diversi metodi, bl-aktar wieħed ċar hu s-serq li qed isir fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, li huma fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea. L-aqwa eżempji tal-korruzzjoni f’pajjiżna huma l-iskandlu ta’ Gaffarena – kif anke spjegat fir-rapport tal-Awditur Ġenerali – kif ukoll fl-iskandlu tal-visas u l-permessi ta’ residenza – tant li anke tressqu nies, fosthom l-eks Teżorier tal-Partit il-Laburista, l-Qorti.

Dan qalitu x-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Ħal Qormi. Hi spjegat li filwaqt li l-prezz internazzjonali taż-żejt huwa fl-aktar livelli baxxi li qatt kien – li saħansitra jilħaq il-$25 dollaru l-barmil – l-prezz tal-petrol u d-diesel f’Malta u f’Għawdex baqa’ fost l-ogħla fl-Ewropa. “Filwaqt li ħaddieħor qed igawdi mir-roħs tal-prezz internazzjonali taż-żejt, il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin baqgħu jħallsu bl-ogħli kull darba li jagħtu l-fuel,” qalet Marthese Portelli.

Marthese Portelli fakkret li l-Awditur Ġenerali, f’rapport li kien għamel, kien ikkonferma l-indħil dirett mill-Ministru Konrad Mizzi fix-xiri taż-żejt mill-kumpanija tal-Ażerbajġan SOCAR. Dan l-indħil dirett kien wassal għat-telf ta’ €14-il miljun f’hedging ta’ fuels minn bwiet il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin. “Dan hu eżempju ċar u konkret ta’ kif il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin qed iħallsu għall-korruzzjoni tal-Gvern Laburista,” qalet Marthese Portelli.

Hi attakkat id-diskors tal-Prim Ministru Joseph Muscat li quddiem dan kollu jiftaħar li qed iżomm il-prezz għoli biex il-prezz ikun stabbli. “Għandna Prim Ministru li flok iraħħas il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel għall-ġid tal-konsumatur, jħalli l-prezzijiet għoljin apposta u jgħid li huma stabbli,” qalet ix-Shadow Minister.

Minn naħa tiegħu, l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Albert Buttigieg qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat mhux talli mhu jieħu ebda azzjoni dwar il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, iżda talli għażel lill-politiku li hu responsabbli għal dan is-serq biex jinħatar Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.

Albert Buttigieg qal li l-prezz tal-petrol f’Malta – ta’ €1.32 – huwa s-sitt l-ogħla fl-Unjoni Ewropea, waqt li l-prezz tad-diesel – €1.22 – huwa t-tielet l-ogħla fost it-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea. “Kemm il-prezz tad-diesel kif ukoll dak tal-petrol f’Malta huma ferm ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea,” qal Albert Buttigieg.

Il-kandidata għall-elezzjoni ġenerali Graziella Galea qalet li mir-roħs internazzjonali taż-żejt għandu jgawdi kulħadd. Hi spjegat kif kull darba li mmorru nagħtu l-petrol u d-diesel mill-pompi tal-petrol, qed ninsterqu bl-aktar mod sfaċċat. Graziella Galea sostniet li huwa inġust li l-Ministru Konrad Mizzi, flok iraħħas il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel minnufih, jiprova jiftaħar li se jkun qed iraħħashom 7 ġimgħat oħra, jiġifieri l-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin għandhom 7 ġimgħat oħra jinsterqu b’mod sfaċċat.

Graziella Galea sostniet li meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien fl-istess livell bħal ta’ issa, jiġifieri fl-2003, il-prezz tad-diesel kien 61ċ waqt li l-prezz tal-petrol kien 83ċ. Dan ifisser li llum, il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin qed jesperjenzaw serq ta’ 61ċ fuq id-diesel u 49ċ fuq il-petrol, sostniet Graziella Galea.