Lokali Saħħa

Għandha tinstab soluzzjoni għall-aċċess għall-mediċini – Simon Busuttil

L-aċċess għall-mediċini minn kulħadd hi kwistjoni li għandha tinstab tweġiba għaliha. Għaliex persuna ikollha tbigħ id-dar biex tiffinanzja l-mediċini jekk tintlaqat mill-marda tal-kanċer? Filwaqt li qed tagħmel xogħol tajjeb, għaliex persuna għandha tmur titkarrab għand il-Malta Community Chest Fund għax ċerti mediċini tal-kanċer jiswew 3,000 ewro fix-xahar?

Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa mal-Kamra tal-Ispiżjara fil-kwartieri tal-Kamra fil-Gżira. Simon Busuttil tkellem dwar id-Dokument ta’ Qabel il-Baġit maħruġ mill-Oppożizzjoni, fejn waħda miż-żewġ kolonni ewlenin hu l-qasam soċjali taħt it-titlu “Dinjità għal Kulħadd”, li miegħu jiżdied il-qasam tas-Saħħa.

Iżda d-dinjità mhux dejjem tkun hemm meta wieħed jara pazjenti fil-kurituri. Simon Busuttil qal li l-fatt li l-problema ilha hemm mhux skuża biex wieħed ma jaħdimx biex isolviha, meta wieħed iqis li dan il-Gvern issa ilu sentejn u nofs fit-tmexxija tal-pajjiż.

Matul il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-kwistjoni tal-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex toħloq numru ta’ mistoqsijiet, kemm għall-pazjenti, kif ukoll għall-ħaddiema tal-Isptar.

Min-naħa tagħha, il-President tal-Kamra tal-Ispiżjara Maryanne Sant Fournier qalet li l-Kamra dejjem ħadmet għall-ġid tal-pazjent u l-ispiżjar. Sostniet li l-aċċess ta’ kulħadd għall-mediċini hu għan li hu għal qalb il-Kamra. Tkellmet ukoll dwar is-‘service agreement’ li ntlaħaq mal-Gvern dwar l-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek u l-proġett pilota ta’ tqassim ta’ mediċini.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg, kif ukoll il-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista Mario Rizzo Naudi u Roderick Bugeja.