Futbol

Għat-tieni darba f’sentejn – il-Finali taċ-Champions League bejn il-klabbs ta’ Madrid

Għat-tieni darba f’dawn l-aħħar sentejn, il-finali taċ-Champions League se terġa’ tkun bejn iż-żewġ Spanjoli Real Madrid u Atletico Madrid. Dan wara li tard l-Erbgħa filgħaxija Real Madrid eliminaw lil Manchester City meta fit-tieni leg tas-semifinali fil-Bernabeu rebħu bi skor ta’ 1-0 wara li l-ewwel leg fl-Etihad Stadium kienet intemmet fi draw ta’ 0-0.

Għal Real irritorna Cristiano Ronaldo filwaqt li Karim Benzema ma kienx disponibbli. Wara biss 10 minuti l-affarijiet bdew ġejjin ħażin għal Man City hekk kif il-captain Vincent Kompany kellu jħalli l-grawnd minħabba injury u minfloku daħal Mangala.
10 minuti wara Real skurjaw l-uniku gowl permezz ta’ Gareth BALE li minn qagħda angulata għeleb lil Joe Hart b’xutt b’saħħtu.

Fl-istaġun 2013-14 fl-Estádio da Luz f’Lisbona fil-Portugall Real Madrid kienu għelbu lil Atletico bi skor ta’ 4-1 wara l-ħin barrani wara li l-logħba kienet intemmet fi draw ta’ 1-1 b’Real iġibu d-draw fl-aħħar minuta.

Real se jkunu qed jilagħbu fl-14-il finali fl-istorja tagħhom f’din il-kompetizzjoni bit-tama li jirbħuha għal rekord ta’ 11-il darba. Minn naħa tagħhom Atletico se jkunu qed jippruvaw jiksbu tpattija sportiva fuq ir-rivali Real biex jirbħu din il-kompetizzjoni għall-ewwel darba.