Ekonomija Lokali

Għat-tieni sena konsekuttiva, Malta anqas kompetittiva

Malta niżlet pożizzjoni fil-lista dinjija li tkejjel il-kompetittività. Dan ifisser li, tul l-aħħar sena, pajjiżna sar anqas kompetittiv, f’dik li qed tkun meqjusa bħala daqqa ta’ ħarta għall-ekonomija Maltija. Din hi t-tieni sena konsekuttiva li Malta niżlet fl-Indiċi, ippreżentat mill-Forum Ekonomiku Dinji.

Malta tinsab ukoll lejn l-aħħar, meta wieħed iqis il-pajjiżi b’ekonomiji avvanzati bħalna. Il-pajjiżi li Malta rnexxielha tissupera huma biss is-Slovenja, Ċipru, il-Greċja u s-Slovakkja, filwaqt li l-oħrajn kollha ġew qabel Malta għax huma aktar kompetittivi.

Il-kompetittività ta’ pajjiż tirrifletti l-ispejjeż li għandhom in-negozji, it-taxxi li jitħallsu, kif ukoll is-saħħa fl-għarfien u l-ħiliet tal-ħaddiema. Jidher li f’dawn l-aspetti, pajjiżna sejjer lura.

Fl-Indiċi, Malta tinsab fit-48 pożizzjoni. L-agħar li mar il-pajjiż kien fejn tidħol l-innovazzjoni u anke s-sodisfazzjon fost in-negozji, fejn jidher li hu evidenti li l-Gvern Laburista mhux jagħti prijorità lil dawn l-oqsma.

F’din il-klassifika, Malta nqabżet mill-Filippini.