Internazzjonali

Għexieren ta’ maqtula f’attakk suwiċida mill-ISIS fil-Jemen

Mietu tal-anqas 60 persuna fi splużjoni ta’ vettura bomba li kienet diretta kontra faċilità militari fil-belt ta’ Aden, lejn in-nofsinhar tal-Jemen.

Il-faċilità fil-mira tal-attakk tinkorpora kamp għat-taħriġ ta’ milizzji favur il-Gvern tal-Jemen, u elementi qrib il-grupp tal-ISIS, issa, assumew responsabbiltà għall-atroċità li ħalliet ukoll numru ta’ midruba.

L-attakk suwiċida f’Aden seħħ meta għaddejjin inizjattivi ġodda lejn it-tmiem tal-gwerra bejn il-Gvern tal-Jemen, li hu appoġġjat mill-Arabja Sawdija u ribelli tal-Houthi. Din il-gwerra, s’issa, issarrfet f’eluf ta’ mejtin.

Ir-ribelli tal-Houthi huma appoġġjati minn sostenituri tal-eks-President tal-Jemen, Ali Abdullah Saleh. Intant, il-konflitt fil-Jemen, li ilu għaddej għal 17-il xahar, sal-lum irriżulta wkoll f’madwar żewġ miljun u nofs refuġjati.

L-aħħar rapporti mill-Jemen qalu li l-Gvern tal-pajjiż u r-ribelli wieġbu b’mod pożittiv għal inizjattiva ‘appoġġjata mill-Golf’ biex jintemm il-konflitt f’dan il-pajjiż.

Il-pjan, li tħabbar jiem ilu mill-Istati Uniti, isejjaħ għall-irtirar tar-ribelli Houthi minn San’a, il-kapitali tal-Jemen. Hemm ukoll impenn għat-twaqqif ta’ Gvern għall-għaqda ġdid f’San’a.

Ir-ribelli sostnew li huma lesti biex jibdew mill-ġdid in-negozjati, dment li l-koalizzjoni militari mmexxija mis-Sawdi ma tkomplix tattakkahom, filwaqt li tassedja t-territorji (fil-Jemen) ikkontrollati minnhom.

Din il-koalizzjoni ilha tmexxi attakki mill-ajru fil-Jemen minn Marzu tal-2015, b’appoġġ għall-Gvern tal-President Jemenit, Abedrabbo Mansour Hadi, li jgawdi rikonoxximent internazzjonali.