Lokali

Glenn Bedingfield imgiddeb minn kandidata tal-PN

Il-kandidata tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali Simone Aquilina giddbet lill-assistent tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Glenn Bedingfield. Dan wara li fuq il-blog personali tiegħu allega li Simone Aquilina rtirat il-kandidatura tagħha u li ma tridx tikkontesta l-elezzjoni.

Iżda f’post fuq Facebook, Simone Aquilina kitbet li l-aħbar “żvelata” minn Bedingfield hija “assolutament mhux minnha”.

“Għal darb’oħra, l-assistent ta’ Muscat reġa’ qatagħha ħażin, għax jien kont u se nibqa’ naħdem bħala kandidata tal-Partit Nazzjonalista,” kitbet Simone Aquilina, li żiedet li l-mod kif il-Partit Laburista qed ixerred xniegħat foloz juri kemm il-Partit Laburista hu skomdu dwar il-fatt li Simon Busuttil se jkun il-Prim Ministru li jmiss ta’ pajjiżna.

L-eks ġurnalista tas-Super One Glenn Bedingfield ingħata impjieg f’Kastilja, fejn hemmek jitħallas mit-taxxi pubbliċi biex jiġbor l-informazzjoni għall-mistoqsijiet Parlamentari li jsiru lill-Prim Ministru.

Fl-aħħar xhur, Bedingfield kien kritikat minn bosta għall-fatt li jikteb blogs, b’attakki fuq diversi persuni, waqt il-ħin tax-xogħol f’Kastilja u waqt li jitħallas mit-taxxi pubbliċi.

Fi Frar li għadda, Muscat kien iddefenda l-mod kif Glenn Bedingfield jikteb il-blogs waqt il-ħin tax-xogħol.