Lokali Qorti

Ġlieda bejn żewġt iklieb f’Ta’ Qali twassal għal multa lis-sidien tagħhom

Sid il-kelb li f’Jannar li għadda ħataf ieħor fil-Park tal-Klieb f’Ta’ Qali kien immultat €70.29 wara li nżamm responsbbli tal-inċident u li ħallih bla ċinga. Fl-istess waqt anke sid il-kelb migdum kien immultat €23.29 talli huwa wkoll ħalli l-kelb mingħajr ċinga.

Iż-żewġt irġiel, Nigel Caruana u Christian Seychell, tressqu quddiem il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera b’rabta ma’ dak li ġara fil-31 ta’ Jannar għall-ħabta tan-12.30 p.m.

L-ewwel persuna msejjħa biex tixhed dwar il-każ kienet Louiselle Elsadi li kienet Ta’ Qali mal-familja fosthom Seychell li jiġi r-raġel ta’ bintha. F’xi waqtiet bid-dmugħ f’għajnejha, hija rrakkuntat kif rat lill-Bull Terrier bil-kelb tagħhom tar-razza Chihuhaua f’ħalqu. Ix-xhud semmiet ukoll kif ir-raġel ta’ bintha weġġa’ subgħajh waqt li kien qed jipprova jiftaħ ħalq il-Bull Terrier.

Bintha Josette Seychell, li tiġi mart Christian, ukoll qalet li kulma rat kien kien il-kelb tagħhom ġo ħalq il-Bull Terrier u semmiet ukoll kif żewġha weġġa’. Wara l-inċident huma ħadu l-kelb għand veterinarju f’Ħ’Attard u baqgħu jmorru għandu kuljum għandu għal perjodu ta’ żmien. Christian Seychell irrakkonta kif huwa ipprova jaqla liċ-Chihuahua minn ħalq il-Bull Terrier u kif biex irnexxielu kellu jżommlu imnieħru biex ma jieħux nifs ħalli jitlaq lill-kelb tagħhom. Fl-istess waqt huwa ikkonferma fl-awla li Caruana ħallashom għall-ispiża ta’ madwar €1,000 li nefqu biex ikkuraw lill-kelb.

Nigel Caruana wkoll xehed fejn qal li ftit tal-ħin qabel l-inċident il-kelb tagħhom, li għandu sena u nofs, kien qed jilgħab ma’ klieb oħra fl-istess post. Ix-xhud qal li huwa talab lil Robert Spiteri, espert tal-klieb, biex jagħmel rapport dwar il-Bull Terrier u l-konklużjoni tar-rapport kienet li l-kelb ma kienx aggressiv.

Fit-trattazzjoni finali, l-Avukat Martin Fenech għal Christian Seychell irrimarka li kieku l-kelb Bull Terrier ħataf tarbija l-każ kien ikun iktar gravi. Huwa nsista li hija fin-natura ta’ klieb bħall-Bull Terriers li jkunu aggressivi. Min-naħa tiegħu, l-Avukat Michael Sciriha semma li f’dan il-każ ebda persuna ma ġiet aggredita u l-liġi tgħid li kelb huwa ikkunsidrat bħala perikoluż jekk jattakka persuna. Huwa sostna li min-natura tagħhom klieb bħall-Bull Terriers huma “doċili” u jekk tħares lejn wieħed jibża’.

Il-Maġistrat Scerri Herrera ma qablitx li għax il-Bull Terrier attakka Chihuahua u mhux persuna mela sidu ma kellux jinżamm responsabbli għall-inċident.

Fl-istess waqt hija li sabet liż-żewġ sidien ħatja li ħallew il-klieb bla ċinga mmultathom €23.29 għal dan ir-reat waqt li lil Caruana, is-sidien tal-Bull Terrier immultat €50 oħra tal-inċident.