Ġojjellier ifittex lill-Avukat Ġenerali għad-danni

Il-ġojjellier George Tabone qed ifittex għad-danni lill-Avukat Ġenerali wara li l-assi tiegħu ġew iffriżati, bil-konsegwenza li ma setax iħallas il-VAT u spiċċa jaffaċċja każ kriminali ieħor.

Kollox beda fl-1 ta’ Marzu 2013 meta l-Qorti ordnat l-iffriżar tal-assi ta’ Tabone u l-kumpaniji tiegħu, hekk kif ġimgħa qabel kien akkużat li aċċetta u xtara bi €350,000 f’ġojjellerija misruqa.

L-Avukat Ġenerali kien talab l-iffriżar tal-assi, bil-Qorti tilqa’ l-applikazzjoni u sussegwentament tirrifjuta wkoll l-isfida għal din id-deċiżjoni, li kien għamel l-istess Tabone.

F’Ottubru 2015 Tabone nħeles mill-akkużi kollha, bil-Qorti tikkanċella kull ordni imposta fuq Tabone u l-kumpaniji tiegħu, inkluż l-iffriżar tal-assi. Madankollu, l-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza, bil-konsegwenza li l-ordnijiet kontra Tabone ma ġewx kanċellati immedjatament.

Fl-applikazzjoni kostituzzjonali tiegħu, Tabone lmenta li l-ordni tal-iffriżar tal-assi ma kinitx limitata biss għall-ammont li allegatament ibbenefika minnu u li allegatament ġie minn illegalità.

Dan wassal biex Tabone ma setax iħallas il-VAT fuq assi li kienu miżmuma milli jinbigħu, ma kellux permess li jiġbor Vat mingħand il-klijenti, ma setax iħallas lil numru ta’ kumpaniji li rreklama magħhom, kif ukoll twaqqaf milli jagħmel pagamenti relatati mas-self li kellu.

Tabone qed ikun rappreżentat mill-Avukat Lucio Sciriha, li argumenta li l-ordni kontra George Tabone kienet sproporzjonata u waqqfitu mhux biss milli jkompli bl-attività kummerċjali tiegħu, imma wkoll milli juża’ l-flus li kienu qed jiġu ġġenerati mill-kumpaniji tiegħu.