Knisja Lokali

“Governanza mibnija fuq it-tgħawwiġ tal-verità ma tistax tkun governanza tajba” – l-Arċisqof Charles Scicluna

Illum pajjiżna ċċelebra it-52 anniversarju mindu fl-1964 il-gżejjer Maltin saru indipendenti, b’ċerimonja fi Pjazza San Ġorg.

Iċ-ċerimonji nazzjonali bdew b’salut lill-awtoritajiet tal-pajjiż li madankollu ma kinitx tinkludi lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, li t-tnejn jinsabu fi New York, fejn għaddejja l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Spikka wkoll in-nuqqas tal-Kap Kmandant tal-armata, Jeffrey Curmi.

Wara, fil-Kon Katidral iddedikat lil San Ġwann, saret quddiesa ta’ radd il-ħajr għal art twelidna fl-okkażjoni tal-festa nazzjonali tal-Indipendenza, immexxija mill-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles J. Scicluna.

Fil-messaġġ tieghu f’din l-okkazjoni, l-Arċisqof Scicluna ħares lura lejn il-ġurnata li Malta saret indipendenti u qal li minn dakinhar pajjiżna bena erba’ valuri li kull Gvern u politiku għandu jsegwi.

Semma’ l-valura tal-unità, u fisser il-governanza li tifred bħala tradiment u valenu għall-ġid komuni tas-soċjetà. Valur ieħor hu t-tjubija, li wieħed ifittex it-tajjeb u jaħrab il-ħażin, u wissa li meta l-ġid komuni jiġi sagrifikat għall-kilba bla rażan minn min lest li jgħaffeg minn kollox u kulħadd, l-aqwa li jħaxxnu buthom, allura l-istat ikun wieħed marid.

L-Arċisqof Charles Scicluna tkellem ukoll dwar il-valur tal-verità tal-fatti, u qal li governanza mibnija fuq it-tgħawwig tal-verità ma tista’ qatt tkun meqjusa bħala governanza tajba u jiġi żmien meta gvern mibni fuq dan, minflok fuq trasparenza u governanza, jiġi żmien meta jiġġarraf.

Ir-raba’ valur li tkellem dwaru l-Arċisqof Charles Scicluna hu s-sbuħija, miġbura fl-għerf tal-qalb, fejn qal li kull ċittadin li hu ffurmat u mħarreġ fil-verità u t-tjubija jġib ‘il quddiem is-sbuħija ta’ madwaru. Fid-dawl ta’ dan tkellem kontra t-tkerrieh tal-ambjent naturali, kontra gvern li ma jħarisx u jirrestawra l-wirt naturali, li jippermetti t-tħassir tal-baħar ta’ madwarna u s-sostennibiltà.