Lokali

“Gvern iddisprat li sar theddida għad-demokrazija” – Simon Busuttil

Il-Gvern Laburista se jressaq lid-Deputat Jason Azzopardi l-Qorti – l-aħħar minn sensiela ta’ attakki mill-Gvern fuq id-demokrazija

F’Jum il-Ħelsien, pajjiżna għandu Gvern iddisprat li hu ta’ theddida għad-demokrazija u anke għall-ħelsien. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan f’Konferenza tal-Aħbarijiet li fiha żvela li nhar l-Erbgħa li ġej, il-Gvern Laburista se jressaq lid-Deputat Jason Azzopardi l-Qorti.

Simon Busuttil żvela li Jason Azzopardi se jitressaq b’akkuża kriminali ta’ malafama fil-konfront tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit.

Il-każ imur lura għal Ġunju ts-sena li għaddiet, meta f’isem l-Oppożizzjoni u fil-kapaċita’ tiegħu ta’ Shadow Minister, Jason Azzopardi kien għamel press conference li fiha kkundanna lill-Gvern talli żamm lil Peter Paul Zammit minkejja li dan kien instab ħati mill-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data li kien kiser il-liġi tal-Protezzjoni tad-Data meta għadda informazzjoni personali sensittiva lill-gazzetta MaltaToday.

Simon Busuttil spjega li dak li se jiġri nhar l-Erbgħa huwa riżultat ta’ Gvern li tant tilef rasu u tant hu ddisprat li sar theddida għad-demokrazija. Simon Busuttil iddeskriva dan bħala attakk gravi kontra d-demokrazija u kontra l-ħelsien.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista  fakkar li l-aħħar darba li membru tal-Oppożizzjoni tressaq il-Qorti fuq ħaġa li wettaq fil-qadi ta’ dmirijietu kien fl-1979, meta l-Perit Michael Falzon kien tressaq il-Qorti akkużat b’tixwix.

Dan hu l-aħħar każ minn sensiela ta’ deċiżjonijiet li juru li pajjiżna għandu Gvern li qed jhedded id-demokrazija. Din il-ġimgħa kien hemm iċ-Chairperson tal-Awtorita’ tax-Xandir li biddlet deċiżjoni tagħha stess biex iżżomm lill-PN milli jitkellem fuq l-iskandlu tal-Panama.

Din il-ġimgħa wkoll, fakkar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-Gvern biddel liġi biex il-partiti politiċi ma jkunux jistgħu itellgħu aktar billboards jekk mhux qabel l-elezzjoni ġenerali. Dan apparti l-attakki li kien hemm kontra kelliema tal-Oppożizzjoni li tkellmu fuq l-iskandlu tal-Panama.