Ekonomija Lokali

Gvern nieqes minn kull diċenza – il-PN

Quddiem ċifri li juru t-tieni l-akbar tnaqqis fil-produzzjoni industrijali fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, minflok jammetti li teżisti problema, il-Gvern joħroġ stqarrija biex jgħid li kollox miexi sew. Il-verità, kif toħroġ minn ċifri uffiċjali tal-Gvern stess, turi li s-settur tal-manifattura sejjer lura.

Dan qalu fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista, f’isem il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister għall-Finanzi Mario de Marco, li nnota kif illum il-livell tal-produzzjoni industrijali jinsab fl-istess livell li kien fiż-żmien tal-agħar kriżi ekonomika.

Dan qed iwassal għal tnaqqis fil-paga medja tal-ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur, tnaqqis fl-overtime, sensji f’numru ta’ fabbriki u tnaqqis fl-esportazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista qal li s-sitwazzjoni tant hi serja li ftit tal-ġimgħat ilu, il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ħasset li kellha twissi lill-Gvern biex jagħti aktar attenzjoni lil dan is-settur.

Il-Partit Nazzjonalista reġa’ appella lill-Gvern biex, b’mod immedjat, jieħu l-miżuri li hemm bżonn ħalli jgħin lil dan is-settur, li aktar ma jmur aktar qed jiffaċċja problemi serji li qed jaffettwaw il-kompettività tiegħu.