Lokali Qorti

Ħaddiem jixhed fil-Qorti li d-dikjarazzjoni li ffirma ġiet ittajpjata lilu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista

Toni Bezzina Libell Scan
(Ritratt: Kopja tax-xhieda li ta ħaddiem li għamel xogħol fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żurrieq, fejn żvela li d-dikjarazzjoni li saret kienet ittajpjata u ffirmata fiċ-ĊNL.)

Ħaddiem li ffirma dikjarazzjoni dwar ix-xogħol li għamel fl-2012 fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żurrieq, xehed quddiem il-Qorti li “id-dikjarazzjoni lilu ġiet ittajpjata fil-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista” u “jiftakar li hu ffirmaha hemmhekk”.

Imbagħad, din id-dikjarazzjoni ġiet ippreżentata bħala parti mill-investigazzjoni tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali. L-investigazzjoni kienet saret f’April 2012, wara allegazzjonijiet li kienu dehru fuq il-media tal-Partit Laburista.

Dan ħareġ mix-xhieda li ta wieħed mit-tliet ħaddiema li ssemmew li għamlu xogħol fil-Każin Nazzjonalista taż-Żurrieq. L-akkuża hi li dawn il-ħaddiema wettqu x-xogħol fil-ħin tax-xogħol tagħhom mal-Gvern. Fix-xhieda tiegħu, dan il-ħaddiem qal hekk:

“Il-firma li tidher f’dan id-dokument nagħrafha li hija l-firma tiegħi. Jiena qed nikkonferma u qed nagħraf il-firma tiegħi. Mitlub ngħid jekk niftakarx din id-dikjarazzjoni: ngħid illi niftakar din id-dikjarazzjoni. Nixtieq ngħid illi din id-dikjarazzjoni lili ġiet ittajpjata fil-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista u niftakar illi jiena ffirmajtha hemmhekk”.

Din ix-xhieda tpoġġi dawl ġdid fuq dan il-każ, fejn issa qed jiġi żvelat li dikjarazzjoni f’din l-Inkjesta ġiet ittajpjata u ffirmata fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista (ĊNL). Din ġiet żvelata waqt li kien qed jinstema’ l-każ ta’ libell li l-Perit Toni Bezzina fetaħ kontra l-gazzetta tal-Partit Laburista u l-ġurnal tal-GWU għall-allegazzjonijiet li għamlu lura fl-2012.

F’sentenza dwar dawn il-libelli, il-Qorti tal-Maġistrati ma laqgħetx it-talba tar-rikorrenti, filwaqt li rrikonoxxiet li r-Rapport tal-Investigazzjonijiet kien ikkonkluda li l-ħaddiema marru jaħdmu fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista wara l-ħin tax-xogħol tagħhom. Dan kuntrarju għall-allegazzjonijiet li saru mill-media Laburista u repetuti mill-Prim Ministru Muscat.

Ix-xhieda tal-ħaddiem, fejn żvela bl-aktar mod ċar l-involviment tal-Partit Laburista f’din l-investigazzjoni, tpoġġi mistoqsijiet ġodda dwar min mill-Partit Laburista ttajpja d-dikjarazzjoni, li eventwalment iffirma dan il-ħaddiem fiċ-ĊNL u li spiċċat biex sabet ruħha f’Atti ta’ Inkjesta Dipartimentali taċ-Ċivil.

Toni Bezzina se jkun qed jappella mis-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati.