Ekonomija Lokali

Ħaddiema tal-ST Microelectronics ordnati joħorġu fuq ‘forced leave’

Ħaddiema f’numru ta’ sezzjonijiet partikolari fil-kumpanija ST Microelectronics ġew ordnati biex il-Ħadd, it-Tnejn u t-Tlieta li ġejjin joħorġu fuq ‘forced leave’ bir-raġuni li tawhom tkun li m’hemmx biżżejjed xogħol.

Ħaddiema tal-kumpanija li tkellmu ma’ NETnews qalu li s-Supervisiors tagħhom avżawhom li fil-jiem li ġejjin se jkun hemm jiem li m’għandhomx għalfejn jidħlu għax-xogħol għax se jkollhom dak li ddeskrivuh bħala ‘mini shutdown’.

Iżda l-ħaddiema li tkellmu magħna qalu li verament jinsabu inkwetati dwar x’se jiġri mill-impjieg tagħhom, hekk kif din ma kinitx l-ewwel darba li ordnawlhom ‘forced leave’.

Madwar ġimgħatejn ilu, fil-Parlament, l-Oppożizzjoni talbet lill-Gvern jagħti l-aħħar żviluppi b’rabta mat-tħassib ta’ diversi ħaddiema fil-kumpanija ST. Il-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona wieġeb li dak li għaddejja minnu l-kumpanija huma biss spekulazzjonijiet, filwaqt li qal li l-kumpanija għaddejja minn sfidi u mhux diffikultajiet.

Iżda sadanittant, il-ħaddiema xorta huma inkwetati issa li qalulhom biex jerġgħu joħorġu fuq ‘forced leave’ għax m’hemmx biżejjed xogħol.