Lokali

Halo – il-far salvat minn mewta ċerta li tant sar maħbub

L-istorja ta’ Halo ftit li xejn dehret sabiħa ftit jiem ilu, meta persuna ħasbitu qattus, daħħlitu f’darha u tellgħet ritratt fi gruppi tal-annimali fuq Facebook fejn staqsiet x’razza ta’ qattus hu.

Bħal ħafna, il-persuna li sabitu nħasdet meta qalulha li fil-fatt dak ma kien qattus xejn, iżda far. Halo kien għadu żgħir ħafna, mifrud minn ommu u jistenna mewta ċerta.

Kien diġa’ beda jitlef il-kulur tiegħu, kawża ta’ deidratazzjoni u l-kesħa, iżda Yanica Galea, tfajla ta’ 22 sena, ma kinitx se taqta’ qalbha. Għamlet numru ta’ appelli sakemm żewġ żgħażagħ ġabruh, xtrawlu l-ħalib li kien hemm bżonn u wassluh għand Yanica.

Minn dakinhar, fit-3 ta’ Mejju li għadda, Yanica baqgħet tisqieh kull sagħtejn, u fl-aħħar jiem beda jieħu l-kulur mill-ġdid u tella’ ftit suf. Ġabar ukoll warajh is-simpatija ta’ ħafna, tant li f’paġna ġdida fuq Facebook wieħed diġa jsib iktar minn 1,100 Like.

Halo 3

L-imħabba ta’ Yanica lejn annimali abbandunati hi ta’ min wieħed jammira. Ftit jiem ilu sabet, u pprovat issalva b’tant dedikazzjoni, lil għasfur tar-razza Sardinian warbler li sfortunatament kellu żewġ saqajn miksura u miet.

Halo 4