Formula 1 Sport

Hamilton ifittex rebħa oħra fir-Russja

Il-lider u champion attwali tal-Mercedes Lewis Hamilton se jkun qed ifittex li nhar il-Ħadd li ġej jikseb it-tieni rebħa konsekuttiva fir-Russja u d-disa’ waħda dan l-istaġun wara li sena ilu rebaħ il-GP inawgurali f’dan il-pajjiż. Sena ilu s-sewwieq Ingliż kien għeleb l-isfida tar-rivali tiegħu Nico Rosberg filwaqt li fit-tielet post dakinhar kien daħal Bottas tal-Williams. Illum jibdew il-provi liberi għall-GP Russu u Hamilton se jimmira li jibda mill-ewwel fuq sieq tajba biex ikun jista’ jiddomina bit-tama li jkompli jkabbar il-vantaġġ li għandu bħalissa f’ras il-klassifika tas-sewwieqa. Hamilton jinsab 48 punt fuq Rosberg wara li ġimagħtejn ilu rebaħ il-GP tal-Ġappun f’Suzuka.

Bis-suċċess li kiseb fil-Ġappun, Hamilton laħaq lill-ekssewwieq leġġendarju Ayrton Senna f’dawk li huma tlielaq mirbuħa u b’hekk issa se jkun qed jimmira li jaqbeż lis-sewwieq li fi tfulitu kien l-idolu tiegħu u fl-istess ħin jilħaq ukoll lis-sewwieq tal-Ferrari Sebastian Vettel. Il-Ġermaniż s’issa rebaħ 42 tellieqa fil-karriera tiegħu, waħda aktar minn Hamilton u Senna filwaqt li l-aktar sewwieq li qatt rebaħ tlielaq hu l-leġġendarju Michael Schumacher (91). It-tieni l-aktar sewwieq li qatt rebaħ tlielaq f’dan l-isport hu Alain Prost.

“Sena ilu kienet l-ewwel darba li aħna s-sewwieqa kkompetejna fir-Russja u jien kelli wirja mill-aqwa. Niftakar li grazzi għar-rebħa li kont ksibt f’Sochi, it-tim tal-Mercedes kien aċċerta mir-rebħ tat-titlu tal-kostrutturi u b’hekk is-suċċess tiegħi kien wieħed aktar speċjali u li żgur se nibqa’ niftakar. Nittama li nerġa’ nesperjenza l-istess suċċess nhar il-Ħadd li ġej u se nagħmel minn kollox biex nirbaħ u nagħmel pass ieħor lejn ir-rebħ tat-titlu,” qal Hamilton f’kummenti li ta jiem qabel it-tellieqa.

Hamilton s’issa rebaħ darbtejn it-titlu mondjali u jekk jerġa’ jirbaħ jilħaq ukoll lil Senna f’dawk li huma titli mondjali.

Ta’ min jinnota li jekk Hamilton jirbaħ fir-Russja jkun f’pożizzjoni komda fejn anke jekk ma jiġbor l-ebda punt fil-Grand Prix tal-Istati Uniti (25 ta’ Ottubru), ikun jista’ jaċċerta mir-rebħ tat-titlu jekk jirbaħ il-GP tal-Messiku (1 ta’ Novembru).

Statistika oħra hi li minn meta ġiet introdotta s-sistema ġdida ta’ punti fl-2010, l-ebda sewwieq li kien 24 punt taħt il-lider meta kien fadal ħames Grand Prix ma kien irnexxielu jaqbeż lil-lider.

Minkejja li l-matematika qed tindika li hu ferm diffiċli għal Rosberg biex jirbaħ it-titlu, dan qal li se jagħmel minn kollox biex jibqa’ jisfida lil Hamilton sal-aħħar.

Intant, l-organizzaturi tal-GP Russu qed jippjanaw biex din it-tellieqa, fil-futur, tibda ssir filgħaxija. Il-kuntratt li għandhom l-organizzaturi tat-tellieqa mal-F1 hu sal-2020 imma dawn iridu li mill-2017 tibda ssir filgħaxija. Jekk dan iseħħ, dak tar-Russja jkun it-tielet Grand Prix li jkun qed isir filgħaxija wara dawk ta’ Singapore u tal-Bahrain.