Internazzjonali

Ħelikopters ‘meqruda mill-ISIS’ waqt attakk fuq bażi fis-Sirja

Ritratti miġbudin bis-satellita jidhru li żvelaw ħsarat estensivi li ġarrbet bażi tal-ajru sinjifikanti, fiċ-ċentru tas-Sirja, li qed tintuża mill-qawwiet Russi. Dan fost indikazzjonijiet li l-bażi inkwistjoni ntlaqtet minn attakk tat-terroristi tal-ISIS.

Il-materjal viżiv li nġabar għas-servizzi sigrieti mill-kumpanija Stratfor żvela li talanqas erba’ ħelikopters u 20 trakk inqerdu, il-ġimgħa l-oħra, f’sensiela ta’ nirien fil-bażi.

Sorsi qrib il-Kremlin ta’ Moska qalu li l-ħelikopters kienu jintużaw mill-qawwiet tal-ajru Russi u l-qawwiet tal-Gvern Sirjan, waqt li r-Russja ma kkummentatx uffiċjalment dwar l-inċident.

Il-kawża tan-nirien mhix uffiċjalment ikkonfermata u s-sorsi Russi qalu li l-kawża għadha suġġetta għal investigazzjoni. Iżda minkejja spekulazzjoni inizjali li n-nirien setgħu kienu ‘aċċidentali’, l-ISIS ħareġ ritratt li jingħad li qed juri wieħed mill-ġellieda tiegħu jispara r-rokits lejn il-bażi tal-ajru T4, li tinsab fil-provinċja ta’ Homs.

Fil-fatt, l-analisti ma’ Stratfor qalu li ‘dak li qed juru l-ISIS jiżvela li l-isplużjoni ma seħħitx minn xi ħaġa aċċidentali, kif sostnew ħafna għajdut’. Hemm ukoll element ta’ misteru dwar kif l-ISIS ma assumiex direttament ir-responsabbiltà għall-attakk fuq il-bażi, fejn inqered unit sħiħ ta’ ħelikopters għall-kumbattimenti filwaqt li ġarrbu wkoll il-ħsarat numru ta’ ajruplani Sirjani.

Iz-zona li ntlaqtet mill-attakk hi anki sinjifikanti mil-lat strateġiku. Dan meta l-provinċja ta’ Homs iġġebbed lejn id-deżert (fis-Sirja) fid-direzzjoni ta’ Raqqa, li sservi bħala l-‘kalifat’ li waqqaf l-ISIS fl-2014 kif ukoll lejn Deir al-Zour, viċin il-fruntiera mal-Iraq.