Futbol Sport

Hibernians jitilfu l-protest

Hibernians tilfu l-protest li resqu u li nstema llum fis-2.00pm wara li l-Bord tal-Protesti ma laqax it-talba tagħhom, biex ir-riżultat tal-konfront tal-Ħadd li għadda bejn Hibernians u Birkirkara u li spiċċa 2-1 favur l-Istripes jinbidel favur Hibernians. Il-Pawlisti kienu pprotestaw fuq ineliġibbiltà ta’ plejers barranin li ma kellhomx il-permess tax-xogħol f’pajjiżna.

Kienu Floriana li resqu l-protest l-ewwel wara l-partita li lagħbu l-ġimgħa l-oħra kontra Birkirkara fl-FA Trophy. It-Tlieta filgħaxija nstema l-protest li kienu ressqu l-Furjaniżi, fejn ukoll f’dik iċ-ċirkostanza l-protest ma kienx intlaqa’.

L-istqarrija maħruġa mill-MFA tgħid hekk:

Il-Malta Football Association tavża li l-protest imressaq minn Hibernians FC, rigward il-partita tal-Kampjonat BOV Premier bejn Hibernians FC u Birkirkara FC li ntlagħabet fl-24 ta’ April 2016, ma ġiex milqugħ mill-Bord tal-Protesti tal-Malta Football Association.

B’hekk ma kien hemm l-ebda bidla fil-klassifika biex bejn illum u għada jintemm il-Kampjonat BOV Premier bl-aħħar partita tkun bejn Valletta u Hibernians bil-Beltin jiċċelebraw ir-rebħ tat-23 kampjonat fl-istorja.