Lokali

Ħidma mill-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili: Ħaddiem iħossu ħażin fuq bejt fi Fleur de Lys

Uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili kienu nvoluti f’ħidma biex ħaddiem Afrikan tniżżel minn fuq bejt ta’ residenza fi Triq Louis V. Farrugia, fi Fleur de Lys, fejn ħassu ħażin u kellu bżonn kura medika.

Jirriżulta li r-raġel, li kien qed jagħmel xi xogħol fuq il-bejt flimkien ma’ persuni oħra, ħassu ħażin u waqa’, bil-konsegwenza li ġarrab ukoll ġrieħi f’wiċċu.

Fuq il-post waslu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili li niżżlu lir-raġel fuq stretcher wara li fuq il-bejt, tim mediku mill-Isptar Mater Dei kien diġa’ beda jtih l-ewwel għajnuna. Hu ttieħed immedjatament lejn l-Isptar Mater Dei għal iktar kura.