Lokali

“Hu fl-interess ta’ pajjiżna li tintemm l-inċertezza u l-ħsara li qed issir” – Simon Busuttil

L-interess nazzjonali, u l-ewwel interess fuq kull interess personali jew politiku ieħor hu li f’pajjiżna tintemm l-inċertezza u l-ħsara li qed issir fil-pajjiż.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil iddikkjara dan f’Konferenza tal-Aħbarijiet li matulha appella lid-deputati kollha, biex nhar it-Tnejn li ġej, ipoġġu l-interess nazzjonali l-ewwel, u qabel kull interess ieħor.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil iddeskriva bħala “xokkanti” l-fatti li ġew żvelati, jiġifieri li Konrad Mizzi u Keith Schembri pprovaw jiftħu kontijiet bankarji sigrieti f’mill-anqas 7 banek u li biex jaċċettaw dawn il-banek, riedu depożiti li jlaħħqu l-miljun ewro fis-sena.

Dan apparti l-fatt xokkanti l-ieħor, jiġifieri li Konrad Mizzi u Keith Schembri taw l-awtorizazzjoni tagħhom biex jinfetħu l-kontijiet bankarji permezz tal-konsulent finanzjarju tagħhom, bl-awtorizazzjoni tkun “go ahead to start the opening of the accounts for those 2 Panama companies”.

Dawn l-aħħar żviluppi jkomplu jikkonfermaw kemm il-pajjiż waqaf, żied jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li spjega li pajjiżna ma jistax jibqa’ f’din is-sitwazzjoni ta’ inċertezza fejn l-istituzzjonijiet mhumiex jiffunzjonaw sew.

“Kieku jiffunzjonaw, kieku l-Pulizija ilha ġimgħat sħaħ li daħlet fl-uffiċju tiġbor id-dokumenti u l-kopjuters” sostna Simon Busuttil li żied ukoll li l-ħsara saret lil Malta f’għajnejn id-dinja wkoll, b’mod partikolari lis-settur tas-servizzi finanzjarji.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Simon Busuttil qal li għall-maġġoranza tal-poplu Malti u anki għal numru ta’ deputati Laburisti, Konrad Mizzi u Keith Schembri misshom ilhom li rriżenjaw.
“Din il-ħsara hija enormi u ma tistax titkejjel” saħaq Simon Busuttil, li żied li madanakollu, din il-ħsara u din l-inċertezza mhux se jispiċċaw jekk Konrad Mizzi u Keith Schembri jitilqu mill-karigi.

“Din il-ħsara u din l-inċertezza tispiċċa jekk jinbidel il-Prim Ministru, li ħalla s-sitwazzjoni tiddeġenera b’dan il-mod, u għalekk il-mozzjoni hija waħda ta’ sfiduċja fil-Gvern ta’ Joseph Muscat u mhux f’Konrad Mizzi u Keith Schembri biss” kompla jgħid Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li jekk tgħaddi l-mozzjoni, ma jfissirx li trid issir elezzjoni bikrija bilfors għax il-Partit Laburista dejjem ikun jista’ jagħżel Mexxej ieħor li jmexxi bħala Ministru għas-sentejn li ġejjin sal-elezzjoni.

Kien hawnekk fejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil appella lid-Deputati kollha tal-Parlament, inkluż tal-Partit Laburista, biex ipoġġu l-interess nazzjonali l-ewwel u fuq kull interess personali jew politiku.