Lokali

Iċ-ċifri f’rapport ta’ BirdLife Malta huma eżaġerati u ‘l bogħod mir-realtà – KSU

Iċ-ċifri mogħtija f’rapport ikkummissjonat minn BirdLife Malta huma eżaġerati u ‘l bogħod mir-realtà. L-allegazzjonijiet fir-rapport huma foloz u ta’ dannu għall-kaċċaturi. Dan qalitu l-għaqda Kaċċaturi San Ubertu (KSU) bi tweġiba għar-rapport li jitratta l-qtil illegali ta’ għasafar. Ir-rapport qal li f’pajjiżna jinqalu medja ta’ 108,000 għasfur illegalment.

Madankollu, skont KSU, ir-raport jinkludi wkoll il-qtil legali tal-gamiem u s-summien, skont id-deroga li pajjiżna kiseb mill-Unjoni Ewropea. L-għaqda kkundannat il-kampanja “vili”, filwaqt li qalet li din il-pubbliċità negattiva tista’ tiċċertifika lil Malta bħala l-“black spot tal-Ewropa” jew “l-infern għall-għasafar”.

Filwaqt li appella lill-BirdLife Malta biex jimxi maċ-ċifri korretti, il-KSU qal li ċ-ċifri ppubblikati xorta juru li s-sitwazzjoni f’Malta mhijiex gravi daqs f’pajjiżi Ewropej oħra. L-għaqda tal-kaċċaturi appellat lill-BirdLife Malta biex jevita l-imbarrazzament għal Malta u l-ħsara kkawżata mill-“estremiżmu kontra l-kaċċa”.