Internazzjonali

Iċ-Ċina: Jinqabad serial killer imlaqqam ‘Jack the Ripper’

Raġel allegat bħala serial killer, u li hu akkużat dwar l-istupru u l-omiċidju ta’ ħdax-il vittma (bniet  jew nisa), inqabad mill-pulizija waqt li kien qiegħed f’ħanut tal-merċa li hu proprjetà tiegħu u ta’ martu.

Il-qattiel, li jismu Gao Chengyong, kien dam iwerwer lill-komunitajiet fit-Tramuntana taċ-Ċina għal aktar minn għaxar snin u fejn ingħata l-laqam ‘Jack the Ripper taċ-Ċina’.

Skont il-Ministeru Ċiniż għas-Sigurtà Pubblika, ir-raġel, issa, ammetta għall-omiċidji partikulari, li seħħew bejn l-1988 u l-2002.

Gao Chengyong, li għandu 52 sena, hu missier ta’ żewġ ulied. Il-pulizija li tkellmu dwar il-każ qalu li ‘hu kien jikkaċċja lin-nisa żgħażagħ li jkunu lebsin l-aħmar u fejn kien isegwihom sad-dar qabel jattakkahom.’  Il-vittmi tas-serial killer kienu jispiċċaw stuprati u maqtula – bil-metodu tal-qtil jinvolvi kważi dejjem ‘it-tħanxir tal-għonq’.

Il-vittmi – li l-iżgħar waħda kellha biss tmien snin — anki, ġieli, kienu suġġetti għal brutalitajiet oħra u spiċċaw ukoll imbiċċra mill-qattiel.

Gao Chengyong inqabad wara li zijuh kien spiċċa arrestat għal reat mhux daqstant serju.

Rapporti fil-gazzetta, China Daily, qalu li z-ziju ipprovda lill-pulizija b’kampjun tad-DNA li għenhom biex jistabbilixxu konnessjoni mal-omiċidji. Dan filwaqt li l-pulizija ddeterminaw li ‘r-reati dehru li kienu twettqu minn qarib tal-arrestat’.

Ma ngħatatx spjegazzjoni għaliex l-omiċidji fis-sensiela ma komplewx minn wara l-2002.