Internazzjonali

Miss World Canada miżmuma miċ-Ċiniżi milli tieħu sehem’ fil-Miss World

It-tfajla li qed tirrappreżenta lill-Kanada fil-konkors Miss World qalet li kienet ipprojbita milli titla’ fuq ajruplan li kellu jwassalha minn Hong Kong lejn ir-resort ta’ Sanya, fiċ-Ċina, fejn se jsir il-pageant ta’ din is-sena.

Anastasia Lin, li għandha 25 sena u li twieldet iċ-Ċina, qalet li ma rċevietx stedina biex tattendi għall-avveniment u li jfisser li hi ma setgħetx tapplika għal visa.

Madankollu, hi ippruvat tivvjaġġa xorta lejn Sanya minn Hong Kong, peress li t-turisti Kanadiżi huma eliġibbli għal visa speċjali malli jaslu.

Sadanittant, Lin qalet li l-projbizzjoni hi dovuta għall-fatt li hi attiva favur id-drittijiet umani. Din it-tfajla, fil-passat, ikkritikat ‘ir-ripressjoni u ċ-ċensura’ min-naħa taċ-Ċina filwaqt li tappoġġja lill-Falun Gong; il-moviment spiritwali li l-awtoritajiet Ċiniżi ddikkjaraw bħala ‘kolt’ u li qed jitrattawh daqslikieku xi entità illegali.

‘Il-Gvern Ċiniż qed iżommni milli nieħu sehem fil-Miss World għal raġunijiet politiċi u fejn irid iżommni milli nitkellem dwar l-issues tad-drittijiet umani, qalet Lin. Intant, it-tfajla – li, fl-2003, marret tgħix fil-Kanada bħala adolexxenti – sostniet li dan il-pass mill-awtoritajiet Ċiniżi huwa sfortuna għaliha ‘iżda ma ħaditux daqshekk b’sorpriża’.

Il-konkors Miss World se jsir f’Sanya fid-19 ta’ Diċembru li ġej.