Ewropa

Iċ-ċittadini jitolbu azzjoni mill-pajjiżi fl-UE għas-sigurtà tagħhom – Comodini Cachia

F’seduta plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strażburgu, li ddiskutiet it-terroriżmu, l-MEP Maltija Therese Comodini Cachia qalet li għandu jkun hemm apprezzament għat-talba miċ-ċittadini li, b’mod ġust, qed jitolbu lill-UE u lill-pajjiżi tagħhom jaġixxu biex jiżguraw is-sigurtà tagħhom.

Comodini Cachia qalet li hu naturali li ċ-ċittadini tal-UE huma milquta minn biża’ u xokk wara l-attakki ta’ Pariġi, u li l-pajjiżi membri jistgħu biss jissodisfaw it-talbiet tagħhom b’kooperazzjoni konkreta dwar miżuri ta’ sigurtà bejn il-pajjiżi, imma b’attenzjoni partikolari għas-sigurtà interna tal-UE.

L-Ewroparlamentari Maltija qalet li mhux biżżejjed li jkun hemm sigurtà interna u tal-fruntieri b’saħħitha, jekk l-istati membri tal-UE ma jkollhomx l-istess kapaċità. Żiedet tgħid li kontrolli fil-fruntieri fiżiċi mhux se jipproteġu lir-residenti tal-UE imma sempliċement se jpoġġu lill-pajjiżi f’bużżieqa artifiċjali.

Comodini Cachia qalet kif issa ħafna fl-UE qed jorbtu t-terroriżmu mal-immigrazzjoni imma saħqet li huma l-esperti li, ripetutament, jgħidu li huma ċ-ċittadini Ewropej stess li huma attirati għall-ġlieda kontra l-valuri li fuqhom huma mibnija s-soċjetajiet Ewropej.

L-MEP Maltija qalet li jeħtieġ li ż-żewġ kwistjonijiet jiġu rikonoxxuti biex tittieħed azzjoni kontra l-abbuż fil-flussi migratorji minn dawk li jaqsmu l-fruntieri meta mhumiex ġenwini. Insistiet li l-UE m’għandhiex tuża t-theddid għas-sigurtà biex issaħħaħ sterjotipi.

Comodini Cachia rreferiet għall-Valletta Summit u għal-laqgħa tal-G20 f’Antalja, fit-Turkija, u qalet li dawn iridu jsarrfu f’impenn serju mill-istituzzjonijiet Ewropej u mill-Gvernijiet. Hi ħeġġet lill-Gvernijiet biex ipoġġu l-finanzjament meħtieġ favur miżuri li jindirizzaw il-kawżi ta’ radikalizzazzjoni, kunflitti u l-migrazzjoni.

Ħeġġet ukoll sehem tas-soċjetà ċivili li, jekk ikollha vuċi qawwi, jinħoloq spazju għal miżuri li jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni li qed isseħħ fi ħdan ħafna soċjetajiet.