Lokali Parlament

Id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar Wied Għomor hi mument ieħor ta’ prova għal Muscat

Ix-Shadow Minister Marthese Portelli appellat lill-Prim Ministru Muscat biex mill-kliem tal-Ħadd li għadda favur aktar spazji miftuħa, jgħaddi għall-fatti u l-Ħamis li ġej il-membri tal-Gvern fuq l-Awtorità tal-Ippjanar jivvutaw favur aktar spazju miftuħ u kontra l-bini u l-iżvilupp propost f’Wied Għomor li hu l-pulmun u l-uniku spazju miftuħ għas-Swieqi u San Ġwann.

Meta tkellmet fil-Parlament illejla fil-ħin tal-Aġġornament, ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport, qalet li l-Ħadd li għadda l-Prim Ministru għamel dikjarazzjoni dwar il-kredenzjali ambjentali tiegħu u tal-Gvern immexxi minnu, bil-media tirrapportah li fis-sentejn li ġejjin il-Gvern irid juri l-kredenzjali ambjentali tiegħu billi jipprovdi aktar spazji pubbliċi.

Fissret din l-istqarrija fiha nnifisha bħala ammissjoni li fit-tliet snin li għaddew ma sar xejn f’dan ir-rigward.
Ikkritikat lill-Gvern li matul dawn it-tliet snin smajna ħafna kliem favur l-ambjent, iżda sfortunatament sar bil-kontra ta’ dak li kien qed jipprietka.

Bħala eżempji semmiet kif fir-reviżjoni tal-iSPED, il-Gvern ma kkunsidra ebda proposta li ressqet l-Oppożizzjoni favur l-ambjent. Kien hemm ukoll id-deċiżjoni tal-Gvern li jagħti liż-Żonqor lil barranin biex jibnu fih u l-kritika qawwija li rċieva l-Gvern mill-Front Ħarsien ODZ, minn Din l-Art Ħelwa u saħansitra anke mill-Ombudsman li tkellmu u kkritikaw b’mod qawwi l-kredenzjali ta’ dan il-Gvern.

Mument ieħor ta’ prova għall-Gvern
Fissret li l-Ħamis li ġej il-Gvern għandu mument ieħor ta’ prova meta quddiem il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar se jiddiksuti żvilupp f’Wied Għomor għal bini residenzjali għall-anzjani.
Iddikjarat li l-Oppożizzjoni mhix taqbel mal-iżvilupp kif qed jiġi propost u apellat lill-Gvern li għandu mument ta’ prova u opportunita biex dak li qal jumejn ilu l-Prim Ministru jattwah.

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat ilbieraħ tliet permessi f’ODZ
Marthese Portelli kkritikat l-aġir ta’ dan il-Gvern meta wara li l-Ħadd li għadda l-Prim Ministru qal li ma jridx żvilupp fl-ODZ, ilbieraħ l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet tliet permessi f’ODZ minkejja li l-case officer irrakkomanda li m’għandhomx jinħarġu.

Dwar Wied Għomor, Marthese Portelli qalet l-iżvilupp propost se jkun f’wied li għadu fl-istat naturali tiegħu ħlief għal żewġ eyesores. Wied li hu l-uniku pulmun għall-massa ta’ konkrit f’San Ġwann u s-Swieqi, u hu wkoll l-uniku arja u spazju għar-residenti.
Wissiet ukoll li din hi kwistjoni wkoll li d-deċiżjoni li se tittieħed dwarha se tissarraf f’benchmark fuq livell nazzjonali hekk kif staqsiet jekk irridux il-widien tagħna jiġu żviluppati.

Il-ġid tal-poplu kontra l-interessi l-oħrajn
Appellat għar-responsabbilà f’kull deċiżjoni li tittieħed biex nevalwaw il-ġid tal-poplu kontra l-interessi l-oħrajn.
Appellat lll-Prim Ministru, lill-Gvern, lill-membru tal-Gvern fuq il-Bord tal-Ippjanar u dawk maħtura mill-Gvern, biex il-Ħamis li ġej jiddeċiedu fl-aħjar interess tal-poplu.

Saħqet li l-membri maħtura mill-Gvern għandhom jissalvagwardjaw Wied Għomor u ma jinħbewx wara r-riabilitazzjoni tal-wied biex isir żvilupp u bini f’zoni rurali.

Deċiżjon kontra l-protezzjoni ta’ Wied Għomor, qalet Marthese Portelli, tkun tfisser inġustizzja mar-residenti ta’ San Ġwann u s-Swieqi li għandhom dritt għal arja nadifa u spazju f’zona fejn hemm densità għolja ta’ bini.

Fakkret li Wied Għomor hu Schedluled Heritage Area, hu f’ODZ, u l-iSPED ukoll jtkellem fuq il-protezzjoni tal-art rurali, li l-bini u l-iżvilupp ta’ djar għall-anzjani għandu jsir f’zoni urbani u fiċ-ċentri tal-komunità, u li zoni rurali ma jiġux esplojtati.