Lokali

Id-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela imċanfar mill-Qorti

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Lorraine Schembri Orland kritikat bil-qawwi lill-avukat u d-deputat mexxej Laburista Toni Abela għal fatt li għal darb’ohra hu naqas li jressaq il-provi fil-kawza dwar l-iżball li sar mill-Kummissjoni Elettorali fl-għadd tal-voti tal-elezzjoni ġenerali 2013.

L-Imħallef Lorraine Schembri Orland qalet li minkejja li kienet tat is-seduti li kienet mitluba mill-Partit Laburista u fil-ġranet mitluba mill-Partit Laburista stess, l-avukat Toni Abela baqa’ ma ressaq l-ebda provi u l-ebda xhud.

L-Imħallef qalet li din hi kawża kostituzzjonali li l-eżitu tagħha hu kruċjali u vitali għall-poplu Malti u li hi bħala qorti għandha l-obbligu illi l-kawżi ma jdumux bla bżonn.

L-Imħallef Lorraine Schembri Orland sostniet illi d-dewmien minn-naha tal-Partit Laburista u tal-avukat Toni Abela qed iseħħ minħabba impenji li l-avukat Abela qed jgħid li għandu u li mhux relatati max-xoghol ta’ avukat.

L-Imħallef Schembri Orland sostniet illi din mhijiex mġieba professjonali minn-naha tal-avukat tal-Partit Laburista u tistenna li jkun hemm rispett lejn il-qorti.

F’verbal li għamel, l-avukat Toni Abela qal li hu qatt ma naqas mir-rispett lejn il-qorti u li kien iddisjpjaċih li l-qorti għamlet dawn il-kummenti fil-konfront tiegħu.

Il-Qorti hi aġġornata għall-Erbgħa 13 ta’ Jannar, fejn mistennija tkompli tisma’ aktar xhieda illi fadal f’din il-kawża.

Preżenti fl-Awla kien hemm ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, is-Segretarju Ġenerali Rosette Thake u Claudette Buttigieg. L-Avukat Paul Borg Olivier qed jidher f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija jikkundanna t-tattiċi pwerili tal-Partit Laburista biex itawwal il-proċess fil-Qorti Kostituzzjonali fil-każ taż-żewġ siġġijiet nieqsa li għandu l-Partit Nazzjonalista fil-Parlament.

Illum, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Toni Abela ġie mċanfar mill-Qorti għall-imġieba mhux professjonali li qed jimxi biha f’dan il-każ. It-tattiċi tal-Partit Laburista qed isiru biss biex il-poplu Malti u Għawdxi jiċċaħħad mir-rappreżentanti li vvutaw għalihom fl-elezzjoni ġenerali, għaliex kien sar żball fl-għadd tal-voti.

Dwar dan il-każ diġa’ ngħatat sentenza li tagħmel ġustizzja mal-elettorat Malti, iżda wara l-proċess fil-Qorti, il-Partit Laburista appella biex jidħol fil-kawża – pass li sar biss biex itawwal il-kors tal-ġustizzja.

Dawn huwa tattiċi li jfakkruna f’dawk li kien juża l-Partit Laburista fl-agħar żminijiet tiegħu meta l-livell tad-demokrazija fil-pajjiż kien imiss il-qiegħ.