Internazzjonali

Id-Deputati Laburisti Ingliżi jisfiduċaw b’mod qawwi lil Jeremy Corbyn

Il-Mexxej tal-Partit Laburista Ingliż Jeremy Corbyn jitlef vot ta’ sfiduċja fost il-Membri Parlamentari Laburisti.

Ftit tal-ħin ilu, id-Deputati Laburisti sfiduċaw b’mod qawwi lil Corbyn b’176 vot kontra t-tmexxija tiegħu u 40 vot favurih. Jeremy Corbyn intlaqat minn numru ta’ riżenji fi ħdan il-Partit. Hu qed jiffaċċja kritika qawwija għan-nuqqas ta’ impenn minn Corbyn biex jimmobilizza l-vot Laburista li fil-maġġoranza tiegħu kien favur li r-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni Ewropea. Ħafna qed iqisu li l-kampanja nofs qalb ta’ Corbyn wasslet għar-rebħa tal-kamp favur Brexit fir-referendum tal-Ħamis li għadda.

Din id-disfatta waslet inqas minn sena wara li maġġoranza qawwija ta’ membri u partitarji Laburisti kienet ħatrer lil Jeremy Corbyn biex imexxi lill-Partit Laburista Ingliż wara t-telfa fl-elezzjoni ġenerali tal-2015.