Internazzjonali

Id-Dmija tas-Sirja: Attakk suwiċida fuq klabb tal-pulizija f’Damasku

Numru ta’ persuni mietu waqt attakk b’karozza mimlija bl-isplussivi fuq klabb tal-uffiċjali tal-pulizija fil-kapitali, Damasku. Intant, aġenzija tal-aħbarijiet li tappoġġa lill-ISIS qalet li d-dmija kienet dovuta għal elementi ta’ dik l-entità terroristika.

L-inċident seħħ meta l-aggressur suwiċida responsabbli pprova jsuq il-vettura għal ġol-klabb, imma twaqqaf mill-gwardjani fl-inħawi. Dak il-ħin, it-terrorista ‘qabad u tajjar l-isplussivi tiegħu’ bir-riżultat li ħalla numru sostanzjali ta’ vittmi.

Mietu almenu tmienja fl-isplużjoni, waqt li kien hemm talanqas 20 midruba, uħud minnhom b’mod kritiku. Mifhum li l-isplużjoni anki laqtet suq tal-ħaxix fid-distrett ta’ Masaken Barzeh.

L-ISIS, ix-xahar li għadda kien ħa r-responsabbiltà għal splużjonijiet ta’ bombi qrib is-santwarju ta’ Sayyida Zeinab, fin-Nofsinhar ta’ Damasku, fejn kienu mietu ’l fuq minn 70 persuna.

Fi żviluppi oħra, in-Nazzjonijiet Uniti qalet li sa 300,000 persuna jistgħu jispiċċaw ‘maqtugħin’ mill-provvisti tal-ikel jekk il-qawwiet tal-Gvern Sirjan jirnexxilhom jiċċirkondaw bnadi kkontrollati mir-ribelli fil-belt ta’ Aleppo, fit-Tramuntana tas-Sirja.

Dan meta triq ewlenija mit-Turkija lejn Aleppo li tintuża mill-aġenzija World Food Programme spiċċat imblukkata, jiem ilu, wara li l-qawwiet tal-Gvern Sirjan wettqu offensiva kbira fuq ir-ribelli fil-belt Sirjana partikolari. L-aġenzija fil-preżent għandha rotta alternattiva minfejn twassal l-għajnuna, iżda anki din kapaċi tinqata’, ‘il quddiem.

In-NU qed issejjaħ ukoll biex it-Turkija ddaħħal xi 30,000 persuna li ħarbu mill-ġlied fis-Sirja u spiċċaw iżolati mal-fruntieri tagħha.