Internazzjonali

Iddikjarat stat ta’ emerġenza fl-Italja… jonqsu t-tamiet li jinstabu l-ħajjin mit-terremot

epa05508648 A view of collapsed and damaged houses and cars after the earthquake in Pescara del Tronto, central Italy, 24 August 2016, following a 6.2 magnitude earthquake, according to the United States Geological Survey (USGS), that struck at around 3:30 am local time (1:30 am GMT). The quake was felt across a broad section of central Italy, in Umbria, Lazio and Marche Regions, including the capital Rome where people in homes in the historic center felt a long swaying followed by aftershocks. According to reports at least 37 people died in the quake. EPA/ANGELO CARCONI EPA/CLAUDIO ACCOGLI

 

L-awtoritajiet fl-Italja ddikjaraw stat ta’ emerġenza fir-reġjuni li ntlaqtu l-agħar mit-terremot kbir ta’ nhar l-Erbgħa. Fl-istess ħin qed tonqos l-aspettativa li jittellgħu aktar ħajjin minn taħt it-terrapien tal-istrutturi li kkrollaw fl-eqqel tat-theżżiż li baqa’ għaddej fis-sigħat ta’ wara t-terremot.

Hu kkonfermat, s’issa, li mietu madwar 270 persuna b’400 jindarbu b’konsegwenza tat-terremot. Fl-istess ħin, l-iskwadri għall-emerġenza komplew bit-tfittxija qalb it-tifrik tal-bini mwaqqa’ waqt li l-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi impenja mal-50 miljun ewro bħala fondi għar-restawr taz-zoni li ġarrbu l-agħar tat-theżżiż.

Komplew ukoll il-mijiet tat-theżżiż sekondarji li qed ifixklu lill-iskwadri tas-salvataġġ li qed jaħdmu fiz-zoni ta’ emerġenza. Minbarra dan, kien hemm rapporti dwar terremot ieħor, li kien jimmarka 4.7 fuq l-Iskala Richter, u li laqat l-Italja proprju dalgħodu.

Il-Prim Ministru Renzi, issa, iddeċieda li r-residenti taz-zoni li ġarrbu l-akbar impatt tat-terremot m’għandhomx iħallsu taxxa. Iżda hu sostna li wieħed ma jistenniex li l-awtoritajiet Taljani jistgħu jibnu tipi ta’ bini li huma totalment reżistenti għat-terremoti. Hu qal dan wara li l-istampa Taljana kkritikat il-kriterji għall-bini ta’ strutturi f’zoni meqjusa bħala high risk u meta wħud mill-bini li kkrollaw fit-terremot, riċentement, kien sarilhom xogħol ta’ renovazzjoni.

L-ibliet storiċi, fl-Italja, m’għandhomx jikkonformaw għar-regolamenti tal-bini li jaħsbu għall-impatt ta’ terremot. Dawn ir-regolamenti lanqas ma jkunu applikati ta’ spiss fil-każi fejn jittella’ bini ġdid fil-pajjiż.

It-terremot qattiel, li immarka 6.2 fuq l-Iskala Richter, fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa laqat z-zona ċentrali tal-Italja ddominata bil-muntanji, lejn il-Grigal ta’ Ruma.

L-agħar bliet affettwati huma Amatrice, Arquata, Accumoli u Pescara del Tronto, fejn bħalissa hemm preżenza sostanzjali ta’ turisti li marru hemmhekk biex igawdu l-btajjel tas-sajf.

Mietu ’il fuq minn 200 persuna fil-belt ta’ Amatrice waħedha, b’rapporti jirreferu għal numru ta’ vittmi barranin li jinkludu Britanniċi. Dan waqt li l-Gvern tar-Rumanija rrapporta li diversi ċittadini Rumeni li kienu fiz-zoni indikati tal-Italja  ma dehrux aktar wara t-terremot.

L-iskwadri għall-emerġenza f’Amatrice, s’issa, għadhom qed jirkupraw il-mejtin minn diversi nħawi, inkluż mit-tifrik tal-Lukanda Roma f’din il-belt. Intant, l-uffiċjali ammettew li qed jiffaċċjaw ġlieda kontra l-ħin u għalkemm ma qatgħux qalbhom għalkollox minn ‘sejba mirakoluża’, sostnew ukoll li issa sar diffiċli ħafna li jsibu aktar nies ħajjin fit-tip ta’ kundizzjonijiet li qed jiffaċċjaw.