Internazzjonali

Identifikat it-tieni terrorista fil-qtil tal-qassis Franċiż

Investigaturi Franċiżi identifikaw lit-tieni raġel involut fil-qtil brutali tal-qassis, Jacques Hamel, li seħħ nhar it-Tlieta fi knisja fin-Normandija. It-‘tieni suspettat’ issemma bħala Abdel Malik Petitjean, li kellu 19-il sena u li – l-istess bħal Adel Kermiche,it-terrorista l-ieħor fir-reat – kien magħruf mas-servizzi tas-sigurtà Franċiżi.
Petitjean (li kien identifikat minn testijiet tad-DNA) u Kermiche nhar it-Tlieta nqatlu mill-pulizija barra ‘l-knisja tal-mewt’ f’Saint-Etienne-du-Rouvray, ftit wara li huma kienu ħanxru għonq il-qassis ta’ 86 sena u żammew numru ta’ nies bħala ostaġġi.
It-terroristi tal-ISIS ħarġu filmat ta’ dawn iż-żewġ aggressuri fost messaġġ li Petitjean u Kermiche kienu ħalfu lealtà lejn il-moviment qattiel inkwistjoni.
Min-naħa tagħha, l-omm ta’ Petitjean qed tiċħad ‘li binha seta kien il-qattiel tal-qassis’.
Intant, Adel Kermiche, li wkoll kellu 19-il sena, kien qed ikun segwit mill-pulizija qabel ir-reat fin-Normandija. Kermiche, li kien liebes tag tas-sorveljanza meta ħa sehem fl-attakk fuq il-qassis, kien arrestat darbtejn matul is-sena l-oħra meta pprova jidħol is-Sirja. Hu kien qed jistenna li jgħaddi ġuri għal allegata sħubija f’organizzazzjoni terroristika.
Il-President ta’ Franza, Francois Hollande, issa, qal li Franza għandha tifforma Gwardja Nazzjonali mill-qawwiet tar-riserva, bħala tentattiv biex tevita aktar attakki terroristiċi f’artha. Hu ħeġġeġ biex ‘il-patrijotti’ jissieħbu mal-qawwiet riservisti meta fil-Parlament, f’Settembru, għandhom isiru l-konsultazzjonijiet dwar it-twaqqif tal-Gwardja.