Ambjent Lokali

Ifaqqsu l-fkieren f’Golden Bay

Matul il-lejl li għadda faqqsu madwar 60 bajda ta’ fekruna li kienet biedet f’Golden Bay f’Awwissu li għadda.

Kien fl-1 ta’ Awwissu li għadda bil-lejl li fekruna daħlet tbid fuq il-bajja. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, l-aċċess għaż-żona kien ingħalaq sabiex il-bajd ikun protett, b’diversi voluntiera li kienu qed jgħassu bil-lejl u bi nhar.

Madwar 60 bajda faqqset il-lejl li għadda, quddiem numru ta’ ambjentalisti li użaw dwal ‘infra-red’ biex jiggwidaw lill-fkieren għall-baħar.

Ambjentalisti nnutaw li din hija l-ewwel darba mill-1915 li faqqsu fkieren tat-tip ‘loggerhead’ b’suċċess, minkejja numru ta’ attentati matul is-snin – fosthom fl-1960 u l-2012.