Lokali

Iffirmat ftehim kollettiv ġdid: Drittijiet u kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema tal-MPT

Tliet xhur biss wara li l-UĦM Voice of the Workers ħadet ir-rikonoxximent tal-ħaddiema tal-Malta Public Transport, intlaħaq ftehim li permezz tiegħu l-ħaddiema se jkollhom drittijiet ġodda u oħrajn imtejba.

Il-ftehim iġib miegħu benefiċċji finanzjarji importanti għall-ħaddiema, li fost l-oħrajn se jaraw żieda immedjata fil-paga, kif ukoll ħlas ta’ somma f’daqqa li tkopri ammonti b’lura dovuti lilhom.

Se jiżdiedu wkoll fil-paga għall-ħames snin li ġejjin, jingħataw performance bonuses, żieda fin-night allowance kif ukoll Late Duty Allowance ġdid fost sensiela ta’ inċentivi oħra.

Il-ftehim kollettiv jaħseb ukoll għal benefiċċji biex jinħoloq bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja tax-xufiera, hekk kif issa dawn se jqattgħu inqas ħin fuq il-post tax-xogħol permezz ta’ xiftijiet u brejks iqsar.

Tneħħew l-isplit duties, il-possibilta’ ta’ ġurnata oħra franka u ppjanar imtejjeb permezz ta’ roster għal xahrejn.

Iddaħħlet ukoll il-possibilta’ ta’ ġimgħa ta’ 56 siegħa li tinkludi sahra ppjanata, bilanċ bejn id-dmirijiet tal-Early u Late duties u aktar flessibilta’ fit-tibdil tax-xiftijeit.

Dawn jingħaqdu ma’ numru ta’ benefiċċji oħra, fosthom assigurazzjoni tas-saħħa privata għall-impjegati kollha, investiment fit-taħriġ, proċedura dixxiplinarja iktar simplifikata u trasparenti, prattiċi tax-xogħol regolati u trasport pubbliku b’xejn għall-ħaddiema kollha u qrabathom.

Il-ftehim, li kien iffirmat l-Erbgħa, jasal biss tliet xhur wara li l-UĦM ingħatat rikonoxximent tar-rappreżentanza tal-ħaddiema tal-Malta Public Transport. Dan filwaqt li Konrad Pule, General Manager ta’ Malta Public Transport, fisser dan il-ftehim bħala investiment importanti iżda bżonnjuż għall-partijiet kollha affettwati.

Fi kliem dawk kollha involuti fit-taħdidiet, ix-xewqa hi li fil-futur id-diskussjonijiet ikomplu fuq l-istess linja, b’mod professjonali u kordjali, kif ġara f’dan il-każ.