Kultura Lokali

Ikompli l-Karnival fil-Belt Valletta

Fil-Belt Valletta, llum, kompla l-brijju u l-festa ta’ kuluri tal-Karnival. Bosta tfal ħadu vantaġġ mill-vaganzi tal-iskola, u marru bi ħġarhom liebsin il-kostumi tagħhom. Min libes ta’ xi karattru animat, min ta’ xi karattru f’xi film favurit, u bosta ideat oħra li komplew isebbħu l-atmosfera fil-belt kapitali. Pero mhux it-tfal biss libsu d-diversi kostumi, anke numru ta’ żgħażagħ u kbar ħadu sehem f’din il-festa. Il-Malti jgħid: “darbtejn insiru tfal”, u hekk għamlu numru ta’ ġenituri li ingħaqdu mat-tfal tagħhom f’din ix-xalata.

Minkejja x-xita kmieni filgħodu, aktar tard it-temp sabiħ ippermetta biex il-programm ikompli hekk kif kien pjanat.

Għaldaqstant iż-żfin u l-karrijiet komplew ikunu ta’ spettaklu għall-pubbliku li attenda fil-pjazza San Ġorġ. Bosta żeffiena ta’ kull eta’, komplew bl-isfilata, bid-diversi temi u koreografiji li komplew iżewqu din it-tradizzjoni li tant tiġbed attenzjoni kemm mill-Maltin u kif ukoll numru kbir ta’ turisti.