Lokali

Ikompli l-progett tar-’roundabout’ tan-Nigret

Kompla x-xogħol fuq proġett li se jbiddel ’roundabout’ abbandunata fin-Nigret għal post ta’ rikreazzjoni u ta’ konservazzjoni tal-ilma.

Dan wara li għall-aħħar xhur kien qed isir studju fuq fdalijiet arkeoloġiċi mill-perjodu Puniku u eqdem, li nstabu meta bdiet it-tneħħija tal-ħamrija mir-’roundabout’ u t-tħaffir taż-żona.

Issa li l-fażi ta’ studju tlestiet u x-ogħol se jkompli, filwaqt li l-fdalijiet arkeoloġiċi jiġu integrati fil-proġett, pajjiżna se jkompli jibbenefika minn fondi li jirċievi min-Norveġja u miż-Żona Ekonomika Ewropa, kif ġew allokati fl-2009.

F’dan il-każ, minħabba li kellu jinbidel il-pjan tal-proġett biex ikunu inklużi l-fdalijiet misjuba, l-allokazzjoni tal-fondi saħansitra żdiedet.

Il-pjanti ġodda ġew sottomessi wkoll f’kompetizzjoni dinjija, b’pajjiżna jintgħażel bħala wieħed mill-finalisti fost għexieren ta’ kompetituri b’dan id-disinn ta’ periti lokali.

Il-proġett se jfisser ukoll tibdil fil-mod kif jgħaddi t-traffiku għax il-pjan hu li r-’roundabout’ tkun integrata mal-appartamenti li hemm fl-inħawi tan-Nigret.