Internazzjonali

Il-‘backing band’ ta’ Prince lura fix-xena

Wara l-mewt ta’ Prince, tħabbar, issa, li The Revolution, il-backing band tal-mibki kantant-mużiċista matul is-snin tmenin, qiegħed jaħseb għal reunion.

Prince kien ifforma The Revolution, f’Minneapolis, fl-1979 u l-grupp hu magħruf l-aktar bħala s-sostenitur ta’ dan il-kantant ikonu fil-film ( u waqt ir-rekording tal-album) Purple Rain, minbarra li kien ukoll fattur ewlieni fis-suċċess tal-album ta’ Prince, 1999.

Il-formazzjoni għar-reunion se tinkludi lill-istess ħames mużiċisti li kienu jiffurmaw il-grupp meta xolja fl-1986. Dawn huma Bobby Z, Matt Funk, Brown Mark, Wendy Melvoin u Lisa Coleman.

Il-membri ta’ The Revolution ma żvelawx dati speċifiċi dwar xi kunċerti potenzjali tar-reunion iżda qegħdin iwiegħdu li ‘jkunu hemm, dalwaqt….’

Din il-ġimgħa, Brown Mark, wieħed mill-membri tal-grupp , bagħat messaġġ fuq Facebook fejn qal li hu u sħabu ta’ The Revolution iddeċidew li jirritornaw fix-xena ‘bħala pass xieraq wara t-tmiem traġiku ta’ Prince’ li, fl-età ta’ 57 sena, instab mejjet fir-recording studio ta’ Paisley Park, fl-Istat ta’ Minnesota.