Lokali

“Il-‘bejgħ’ tad-dritt tal-vot lil min mhux residenti f’Malta jammonta għal corrupt practice u allura hu delitt” – L-Imħallef Giovanni Bonello

Rapport : Joe Mikallef – joe.mikallef@netmedia.com.mt

“Il-‘bejgħ’ tad-dritt tal-vot lil min mhux residenti f’Malta, jammonta għal corrupt practice li hu delitt, u l-użu ta’ vot mixtri, f’elezzjoni, jammonta għal reat kriminali.”

Din id-dikjarazzjoni qawwija għamilha l-Imħallef Giovanni Bonello meta kuntattjat mill-gazzetta il-mument biex jagħti r-reazzjonijiet tiegħu dwar l-istorja żvelata minn din il-gazzetta nhar il-Ħadd li għadda dwar kif barranin li ma jissodisfawx dak li tgħid il-liġi Maltija biex ikunu jistgħu jingħataw id-dritt tal-vot, xorta waħda spiċċaw ingħataw dan id-dritt mill-Uffiċċju Elettorali.

L-Imħallef Giovanni Bonello fisser bl-aktar mod ċar kif persuna barranija li tingħata d-dritt tal-vot jekk ma tkunx tissodisfa dak li tgħid il-liġi Maltija bħala “corrupt practice li hu delitt”.

Dan ifisser kemm hu serju u gravi dak li għamlu l-Aġenzija Identity Malta u l-Uffiċċju Elettorali li fix-xhur u l-ġimgħat li għaddew spiċċaw biex ħarġu għexieren ta’ voti lil persuni ta’ nazzjonalità barranija li ma jikkwalifikawx biex jivvutaw fl-Elezzjoni Ġenerali.

Id-dritt tal-vot f’Malta hu regolat bil-Kostituzzjoni

il-mument tkellmet mal-Imħallef Bonello u staqsietu mhux biss dwar il-bejgħ tal-passaport Malti u l-għoti taċ-ċittadinanza Maltija lil persuni barranin, imma anki dwar x’jaħseb dwar il-fatt li hemm minn dawn il-persuni barranin li qed jispiċċaw jingħataw ukoll id-dritt li fl-elezzjoni ġenerali huma wkoll ikunu jistgħu jivvutaw.

L-Imħallef Giovanni Bonello spjega “biex niċċara l-pożizzjoni tiegħi tajjeb li ngħid li jien ma kontx kontra l-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija lill-barranin. Dak ġudizzju politiku li ftit jikkonċernani. Jien indikajt kif il-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija, kif proposta, kienet tmur kontra l-liġi internazzjonali, u li l-‘garanzija’ liċ-ċittadinanza Maltija, akkwistata b’xiri, ma setgħetx tiġi revokata, kienet tmur kontra l-Kostituzzjoni u kontra l-liġi ta’ Malta.”

Hu kompla li “d-dritt tal-vot f’Malta huwa regolat mill-Kostituzzjoni u mil-liġijiet elettorali. Il-‘bejgħ’ tad-dritt tal-vot lil min mhux residenti f’Malta jammonta għal corrupt practice li huwa delitt, u l-użu ta’ vot mixtri, f’elezzjoni, jammonta għal reat kriminali.”

Hawnhekk argumentajna li mill-fatti investigati minn il-mument jirriżulta bl-aktar mod ċar li għadd ġmielu ta’ barranin li ngħataw id-dritt tal-vot biex jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali ma humiex konformi ma’ dak li titlob il-liġi biex persuna tkun tista’ tivvota… fosthom għaliex tal-inqas trid tkun tgħix Malta għal perjodu ta’ sitt xhur fl-aħħar 18-il xahar.

Dwar dan l-Imħallef Giovanni Bonello qalilna li “huwa rekwiżit impost mil-liġi li anke persuna li twieldet ċittadin Malti ma tistax tivvota jekk ma tkunx residenti f’Malta għal sitt xhux fl-aħħar 18-il xahar qabel l-elezzjoni ġenerali.

“Din hija l-liġi, li tapplika kemm għal min twieled ċittadin Malti, u kemm għal min akkwista ċ-ċittadinanza Maltija , b’naturalizzazjoni jew b’xiri.”

Il-PN jistenna li jibdew il-proċeduri fil-Qorti

il-mument tkellmet ma’ Beppe Fenech Adami, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister tal-Intern, dwar din l-istorja żvelata fil-ħarġa ta’ il-mument tal-Ħadd li għadda. Beppe Fenech Adami qal li dan hu nuqqas serju ħafna tal-Uffiċċju Elettorali li għandu jassigura li fl-elezzjonijiet, jivvotaw biss dawk li għandhom id-dritt li jivvotaw, u mhux min ikun ingħata d-dritt tal-vot bi ksur tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Hu fisser li kien fl-isfond ta’ dan ix-xenarju li aktar kmieni dan ix-xahar, il-Partit Nazzjonalista kellu jirrikorri għal proċeduri fil-Qrati minħabba li kien qiegħed jirriżulta li l-Uffiċċju Elettorali kien diġà ħareġ mal-mitt dritt tal-vot lil daqstant persuni barranin li ma kenux jissodisfaw il-kriterji stabbiliti mil-liġi ta’ pajjiżna.

Dan il-proċess quddiem il-Qorti issa wieħed jistenna li jitmexxa ‘l quddiem biex hekk ikun assigurat li fl-elezzjonijiet f’pajjiżna jivvutaw biss dawk li verament għandhom id-dritt li jivvutaw u dan id-dritt jiġi skont kif stipulat fil-liġi ta’ pajjiżna.