Il-ġurnal The Independent tal-Irlanda poġġa lill-Belt Valletta fl-ewwel post minn fost ħames bliet li huma l-aqwa biex wieħed iżur fl-2016.
F’artiklu ppublikat fl-aħħar jiem, l-istess ġurnal niżżel 50 destinazzjoni maqsuma f’numru ta’ kategoriji, bil-belt kapitali ta’ pajjiżna titpoġġa fil-kategorija ‘Best city breaks’.
Il-Belt Valletta hi deskritta bħala kapitali żgħira iżda dan hu kkunsidrat bħala vantaġġ. Jingħad li l-Belt hi sabiħa, faċli biex wieħed idurha, b’rikkezzi kulturali u passat storiku li qed tipprepara biex tkun il-Belt Ewropea tal-Kultura għall-2018.
Fost l-atrazzjonijiet jissemma’ l-Kon Katidral ta’ San Ġwann, il-Port il-Kbir u l-Barrakka ta’ Fuq, imma wkoll l-ammont kbir ta’ ristoranti, wine bars, teatri u postijiet mużikali.
Ma jonqosx li l-Independent tagħmel riferenza wkoll għall-klima pjaċevoli li hu mogħni biha pajjiżna.
//= $special ?>