Lokali

“Il-bloggers m’għandhomx ixerrdu mibegħda” – L-Arċisqof Charles J. Scicluna

L-Arċisqof Charles J Scicluna appella sabiex il-komunikazzjoni online tintuża b’mod għaqli u mhux biex tkisser in-nies jew biex tinċita l-mibegħda.

L-Arċisqof qal dan waqt il-quddiesa tal-Ħadd bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tal-festa ta’ San Ġiljan. Iżda d-diskors tal-Arċisqof ttella’ fuq is-sit tal-kurja t-Tlieta.

bishop

Li wieħed juża l-internet biex ipoġġi Maltin kontra Maltin oħra u biex jumilja lil ħaddieħor qed jagħmel ħażin. Kull min jippersisti li jġib ruħu b’dan il-mod xi darba jew oħra jrid jagħti rendikont quddiem il-Mulej. L-Arċisqof kien qed jgħid dan b’rabta ma’ dak li jinkiteb minn ċertu bloggers politiċi li b’mod kontinwu qed jaqbżu l-linja ta’ diċenza.

Waqt l-omelija l-Arċisqof ħa l-opportunita li jelenka l-perikli ta’ mibegħda online u tkellem anke dwar il-qerda tal-ambjent li hi traġedja li qed iseħħ quddiemna. Meta neqirdu l-ambjent, inkluż l-ambjent marittimu, inkunu qed neqirdu lilna nfusna, qal l-Arċisqof.

Tkellem wkoll dwar Paceville u kif originarjament issemma Paceville għaliex kien post trankwill iżda llum il-ġurnata nbidel f’post fejn il-flus saru aktar importanti mis-sigurta ta’ dawk li jiffrekwentawh. Kien hawn fejn l-Arċisqof għamel referenza għall-inċident fejn kienu weġġgħu ftit tax-xhur ilu meta kien ċeda tarag ta’ stabbiliment f’Paceville.

Il-Kwalita’ tal-ħajja m’għandiex titkejjel b’kemm għandek flus u poter fis-soċjeta’ temm jgħid l-Arċisqof Monsinjur Charles J Scicluna.