Lokali

Il-Bord tal-BĊM mhux se jieħu azzjoni fil-konfront ta’ Alfred Mifsud

Il-Bord tal-Bank Ċentrali ta’ Malta (BĊM) ddeċieda li ma jieħu l-ebda azzjoni fil-konfront tad-Deputat Gvernatur tal-BĊM Alfred Mifsud minkejja l-allegazzjonijiet mill-eks sieħba tiegħu li kien qed jirċievi flus b’korruzzjoni minn negozjant Malti.

Il-ġurnal The Times of Malta ikkwota sorsi fil-BĊM, li qalu li l-allegazzjonijiet kienu diskussi f’laqgħa tal-Bord li saret fl-24 ta’ Ġunju li għadda, fejn ingħatat fiduċja assoluta fil-konfront tal-eks Chairman tal-media Laburista.

Is-sorsi qalu lill-ġurnal li sa minn meta ħareġ il-każ, u minkejja l-gravità tal-allegazzjonijiet, kien “business as usual” għal Alfred Mifsud. Jirriżulta li l-membri tal-Bord irraġunaw li s’issa għad m’hemmx biżżejjed informazzjoni biex il-Bord ikun jista’ jieħu azzjoni. Għaldaqstant, il-Bord informa immedjatament lil Alfred Mifsud li għad għandu fiduċja fih.

Sadanittant, rapporti qed jgħidu li l-Pulizija għadha qed tinvestiga l-allegazzjonijiet tal-eks sieħba ta’ Mifsud, Anna Zelbst, li kienet ikkwota tgħid li l-eks Chairman tal-media Laburista rċieva rigali fi flus li jammontaw għal eluf ta’ ewro minn negozjant waqt li Mifsud kien iċ-Chairman tal-Mid-Med Bank fi żmien il-Gvern Laburista ta’ bejn l-1996 u l-1998.

Zelbst kienet allegat li l-flus kienu jingħatawlu minn negozjant b’rabta ma’ bdil fis-sistema kompjuterizzata tal-Bank. Is-sistema kienet reġgħet inbidlet appena l-HSBC ħa f’idejh il-ħidma tal-Mid-Med Bank, hekk kif it-tmexxija tal-bank internazzjonali ddeċidiet li s-sistema introdotta fi żmien Alfred Mifsud ma kinitx tajba għal sistema bankarja f’pajjiżna.