Internazzjonali

Il-Brażil ixxukkjat b’filmat dwar stupru tal-massa

Il-Pulizija fil-Brażil qed ifittxu aktar minn 30 raġel fuq suspett li huma stupraw tfajla adolexxenti f’Rio de Janeiro. Dan meta jingħad li l-istess irġiel anki tellgħu filmat tal-attakk fuq il-media soċjali.

Il-vittma, li għandha 16 il-sena, temmen li hi spiċċat iddrogata wara li, nhar is-Sibt, kienet marret fid-dar tal-boyfriend u, aktar tard, qamet f’dar differenti fejn sabet ruħha ċċirkondata bl-irġiel. Intant, il-pulizija ħarġu numru ta’ mandati għall-arrest, bil-boyfriend jispiċċa mira tal-investigazzjoni.

L-attakk fuq it-tfajla wassal għal kampanja fuq l-Internet kontra ‘l-kultura ta’ stupru fil-Brazil’. Filwaqt li deħlin il-versjonijiet konfliġġenti tal-istorja, jidher li l-allegat stupru inkwistjoni seħħ fl-inħawi ta’ komunità fqira lejn il-Punent ta’ Rio.

It-tfajla li batiet l-istupru tal-massa qalet li hi kienet ‘ġiet f’sensiha’ l-għada ta’ meta seħħ l-attakk u li rnexxielha tasal lura d-dar minkejja li kienet ġarrbet numru ta’ ġrieħi. Iżda kien biss fil-jiem ta’ wara li hi saret taf li wħud mill-allegati aggressuri bagħtu filmat ta’ 40 sekonda dwar l-istupru fuq Twitter, b’dan jiġġenera numru ta’ shares u kummenti qabel spiċċaw sospiżi l-user accounts tal-persuni involuti.