Lokali

Il-Caritas tikkonferma: Mhux veru li l-faqar qed jonqos

Mhux veru dak li qal il-Prim Ministru Joseph Muscat fi tmiem din il-ġimgħa li l-faqar f’pajjiżna qed jonqos. Waqt programm fuq Radju Malta s-Sibt filgħodu, Muscat qal li n-numru ta’ dawk li jinsabu fil-faqar naqas u li dan il-kliem qalitu l-Caritas.

Iżda r-rapport ta’ Caritas Malta mkien ma jgħid li l-faqar qed jonqos. Anzi, l-istudju ppublikat mill-Caritas jistabilixxi baġit essenzjali għal għejxien diċenti. Dan l-istudju hu wkoll aġġornament fuq riċerka li saret fl-2012.

Fl-istudju, u skont kif spjegat il-Caritas stess meta kkumparat mal-istess studju li sar fl-2012, jirriżulta li ż-żieda fl-ispejjeż għall-bżonnijiet bażiċi telgħet minn 45 fil-mija għal 54 fil-mija minħabba żieda fl-inflazzjoni fuq l-ikel, li skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika żdiedet b’16 fil-mija.

F’kumment lil NETnews, id-Direttur ta’ Caritas Malta Leonid McKay spjega li għalih dan l-istudju ma weriex l-istess ‘data’ li rrefera għaliha l-Prim Ministru. HU wera wkoll is-sodisfazzjon tiegħu li r-rapport għadu qed ikun diskuss, filwaqt li qal li skop ieħor tar-rapport kien li jitqajjem dibattitu dwar il-faqar f’pajjiżna … li hu realtà.