Lokali Mużika

Il-“Coconut Grove” ta’ Paceville se jagħlaq ġimgħatejn oħra

Tmiem ta’ era għal eluf ta’ żgħażagħ (fosthom dawk li llum m’għadhomx daqshekk żgħażagħ), li għal numru ta’ snin qattaw is-sigħat fil-bar popolari għall-mużika rock f’Paceville, il-Coconut Grove.

Dan hekk kif, wara 30 sena, dan il-bar se jagħlaq il-bibien għal kollox fl-24 ta’ Settembru. Fuq Facebook, huma ħafna dawk li qed jaċċettaw l-istedina għall-attività b’ċerta dieqa, għalkemm b’nostalġija qawwija għaż-żmien ta’ divertiment li għaddew u l-ħbiberiji ġodda li għamlu.

Fl-attività tal-għeluq, it-tmexxija ta’ Coconut Grove stiednet 11-il DJ, li matul it-30 sena li għaddew daqqew fl-istabbiliment. Dawn mistennija joffru tipi differenti ta’ mużika rock u metal, bl-għan li tintlaħaq il-gosti ta’ kulmin iħobb dawn il-ġeneri ta’ mużika. Fuq kollox, din dejjem kienet ir-‘riċetta’ tal-istabbiliment!

Wara li l-istabbiliment kien diġà għalaq numru ta’ snin ilu u reġa’ nfetaħ mill-ġdid, ħafna qed jittamaw li jerġa’ jiġri l-istess. Madankollu, ma jidhirx li dan hu l-każ, hekk kif ninsabu infurmati li minflok il-Coconut Grove, issa se jkun hemm stabbiliment kummerċjali ieħor!