Lokali

Il-familja taż-żagħżugħ mitluf tappella għall-voluntiera

Il-familja ta’ Mike Mansholt, li ilu iżjed minn ġimgħa ma jagħmel kuntatt mal-familja, qed tappella lill-poplu Malti u Għawdxi biex jingħaqad magħhom u joffri ftit ħin ta’ volontarjat biex iż-żagħżugħ jinstab.

Għal dan l-għan, għaddejja wkoll tfittxija nazzjonali mill-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta, li matul il-ġurnata tat-Tnejn iffukaw b’mod partikolari fuq l-inħawi tad-Dingli Cliffs, fejn kien maħsub li ż-żagħżugħ seta’ mar qabel għeb.

Fl-appell, il-familja talbu wkoll lil għaqdiet, gruppi jew ħbieb biex jingħaqdu flimkien fi gruppi żgħar u joffru l-għajnuna tagħhom biex flimkien mal-Pulizija u l-Forzi Armati jkunu jistgħu ifittxu f’żoni partikolari b’mod koordinat.

Fost l-oħrajn qed tintalab l-għajnuna ta’ sidien ta’ kayaks, dgħajjes żgħar, snirkellers, trekkers, atleti, xabbaturi u ċiklisti biex jgħinu fit-tiftix ta’ postijiet remoti jew li jinsabu fl-imħarbat.

Min jixtieq jgħin hu mitlub jikkuntattja lil Andrew Warrington fuq 9947 0377.

Min għandu xi informazzjoni dwar iż-żagħżugħ, li aktarx kien liebes flokk blu ċar u bermuda griż jew malja blu, b’basket iswed fuq dahru u aktarx riekeb rota sewda, għandu jagħmel kuntatt minnufih mal-Pulizija fuq 2122 4001, jew 119, anke jekk b’mod anonimu.