Lokali

Il-Festa tal-Ħalib mill-ġdid f’Ħal Għargħur

Nhar il-Ħadd li ġej se jsiru żewġ attivitajiet agri-turistiċi f’żewġt irħula tipiċi Maltin hekk kif fl-Imġarr se tkun organizzata t-tmien edizzjoni ta’ Festa Frawli filwaqt li f’Ħal Għargħur se ssir il-MilkFest.

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għargħur se jorganizza l-Festa tal-Ħalib bejn l-10 a.m. u l-5 p.m.

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Sindku Mario Gauci qal li matul din l-erba’ edizzjoni, se tkun qed tingħata promozzjoni lil ħalib u lil prodotti oħrajn magħmulin minnu. Il-pubbliku se jkollu opportunita’ li jduq ġelat magħmul mill-ħalib mingħajr xaħam. Se jkun qed jingħata tagħrif dwar kif issir l-irkotta.

Matul din il-festa, tħejja programm ta’ divertiment għat-tfal u attivitajiet folkloristiċi. It-Torri tas-Semaforu se jkun miftuħ bla ħlas filwaqt li l-WasteServ se tkun qed ittella’ stand b’informazzjoni dwar l-immaniġjar tal-iskart. Ma jonqosx li l-pubbliku jiffrekwenta Triq Għaxqet l-Għajn biex igawdi l-veduta li tagħti għal Victoria Lines.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali David Agius feraħ lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għargħur għal din l-attivita’ li kulma jmur qed tikseb suċċess. Hu qal li avveniment bħalma hu l-Festa tal-Ħalib juri l-ġid li qed jagħmlu l-kunsilli fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin.

Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal li l-Festa tal-Ħalib hi vetrina ta’ wħud mill-prodotti agrikoli Maltin. Hu qal li l-produzzjoni tal-ħalib f’Malta hi waħda superjuri u tikkompeti ma’ swieq Ewropej.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo tkellem dwar il-volontarjat li għandu sehem kbir f’attivita’ bhal din. Hu qal li l-festi kulturali għandhom isibu posthom, mhux biss fil-kalendarju ta’ attivitajiet lokali, iżda għandha tingħata promozzjoni tagħhom barra minn Malta.