Lokali

“Il-flus qatt ma daħlu fl-istruttura tad-Dipartiment tas-Saħħa” – L-Avukat tal-whistleblower dwar l-iskandlu tal-visas mediċi

Dikjarazzjoni tal-Avukat Leslie Cuschieri li qed jirrappreżenta lil Khaled Ben Nassan, Libjan li qed jitlob lil Neville Gafà jirritorna eluf kbar ta’ ewro li tħallsu fi proċess ta’ applikazzjoni għal numru kbir ta’ visas mediċi li qatt ma mmaterjalizzaw

Il-flus mill-iskandlu tal-visas mediċi, li Neville Gafà qed jintalab jirritorna, “qatt ma daħlu fl-istrutturi tad-dipartiment” skont l-Avukat Leslie Cuschieri, f’dik li tista’ tkun indikazzjoni ċara li l-flus inżammu minn Gafà. Dan kien żvelat mill-gazzetta Il-Mument.

L-Avukat Leslie Cuschieri qed jirrappreżenta lil Khaled Ben Nassan, raġel li qed jitlob lil Neville Gafà biex jirritorna eluf kbar ta’ ewro li tħallsu fi proċess ta’ applikazzjoni għal numru kbir ta’ visas mediċi li qatt ma mmaterjalizzaw.

F’intervista esklussiva ma’ Il-Mument, l-Avukat Leslie Cuschieri qal li “uffiċjalment u formalment, il-flus qatt ma daħlu fl-istrutturi tad-dipartiment”, jiġifieri d-dipartiment fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa li minnu kien qed jopera Neville Gafà bħala persuna li jieħu ħsieb il-loġistika għal min jiġi Malta għall-kura medika.


Filmat: L-Avukat Leslie Cuschieri jgħid li l-flus qatt ma daħlu fl-istruttura tad-dipartiment

Ma’ Il-Mument, l-Avukat Leslie Cuschieri saħansitra qalilna li hemm aktar evidenza li l-Pulizija għad m’għandhomx f’idejhom. Żied li jista’ jkun li l-Pulizija jerġgħu jiftħu l-investigazzjoni jekk jingħataw aktar evidenza.

Dwar ir-rapporti li dehru riċentament fil-ġurnali lokali, li qalu li l-Pulizija qed jikkunsidraw li jieħdu passi kontra l-whistleblower, l-Avukat Cuschieri qalilna “kieku niskanta jekk ikun hekk”, waqt li żied “għax jekk wieħed jimxi fuq il-probabiltajiet, din diġa xxaqleb biex turi li mhux is-Sur Nassan għandu jkun investigat, imma ħaddieħor.”


Filmat: L-Avukat Leslie Cuschieri jgħid li hemm aktar evidenza li l-Pulizija għad m’għandhomx f’idejhom

Leslie Cuschieri Avukat