Internazzjonali

Ritratti: Mejtin u feruti waqt inċident b’ferrovija fi New Jersey

Mietu talanqas tliet persuni, ‘b’il fuq minn 100 iweġġgħu meta ferrovija tal-passiġġieri ‘qabżet il-linji’ u baqgħet dieħla direttament għal ġo stazzjon fil-belt ta’ Hoboken, fl-Istat Amerikan ta’ New Jersey.

Is-sistema tal-management tal-emerġenzi fi New Jersey irrappurtat li ‘minbarra l-vittmi’ hemm ukoll persuni oħra ‘maqbudin f’ċirkostanzi delikati u diffiċli’. L-iskwadri għall-emerġenzi waslu fuq il-post u l-ewwel ritratti fuq il-media soċjali żvelaw il- ħsarat estensivi lill-ferrovija u l-istazzjon. Dan fost rapporti li l-ferrovija, li kienet għaddejja b’ċerta veloċità, ‘faqgħet it-ticket barriers u baqgħet dieħla fir-reception area tal-istazzjon’.

Il-belt ta’ Hoboken tinsab ftit ‘il barra minn New York u ħafna passiġġieri jużaw l-istazzjon partikulari, kuljum, biex jivvjaġġaw lejn Manhattan.

Ix-xhieda fl-inħawi tal-inċident qalu li ‘l-ferrovija dehret li nqatgħet mill-binarji’, b’uħud isostnu li ‘raw in-nies mimlijin bid-demm’ fl-inħawi flimkien ma’ ‘oħrajn li kienu qegħdin jippruvaw joħorġu mit-twieqi’.

Ftit wara l-inċident daħlet l-aħbar li s-servizzi lejn l-istazzjon ta’ Hoboken spiċċaw sospiżi għal żmien indefinittiv.